Wednesday, December 24, 2025

Kienu obbligati jservu lill-irġiel f’kull ħin tal-ġurnata

Xhieda xokkanti dwar kundizzjonijiet f’burdell ġewwa San Ġiljan

Aqra wkoll

Nisa li kienu jaħdmu fil-prostituzzjoni f’burdell f’San Ġiljan kienu mġiegħla jkunu disponibbli 24 sigħa kuljum… u riedu li bilfors jaqdu lill-klijenti f’kull ħin tal-ġurnata.

Huma kienu obbligati wkoll jipparteċipaw f’parade kull meta klijent jitlob li jsir dan biex ikun jista’ jagħżel lil xi ħadd minnhom biex ikollu x’jaqsam sesswalment. F’każ li jkunu reqdin huma jridu jqumu biex jagħmlu din il-parade jekk imorru klijenti.

Dan ħareġ fil-Qorti hekk kif kompliet tinstema’ l-kawża kriminali kontra tliet nisa akkużati b’traffikar ta’ nisa oħra, fuq tħaddim ta’ burdell u ħasil tal-flus. L-imputati Janice Jasbeth Ramirez Cummings ta’ 31 sena mill-Panama, Karen Dayanna Pineda Caicedo ta’ 28 sena u l-allegata supervisor tas-sit, Silvia Juliana Jinete Vega ta’ 31 sena, it-tnejn mill-Kolombja. 

Huma qed jiċħdu l-akkużi miġjubin kontrihom.

L-Ispettur Marshal Mallia spjegat fil-Qorti kif f’rejd tal-Pulizija ġew misjuba 10 nisa mill-Amerika t’Isfel u tliet klijenti. Xi wħud mill-allegati vittmi nstabuhom f’nofs att sesswali fil-kmamar, filwaqt li oħrajn kienu miġbura fil-kċina taħt l-għajnejn ta’ tnejn mill-imputati.

Skont dak li ntqal fil-Qorti, in-nisa kienu taħt skeda stretta u regoli riġidi. Setgħu joħorħu biss sa tliet sigħat kuljum, inkella jkollhom iħallsu multa ta’ €200 – u f’ċerti każijiet lanqas ma kienu jitħallew joħorġu biex jinżamm numru ta’ nisa “disponibbli”. 

Il-“mummies” – kif kienu msejħa l-imputati – mhux biss kienu jimmaniġġjaw il-flus u jirregolaw il-bookings, iżda kienu jimponu r-regoli. Id-dħul tan-nisa kien jinġabar f’envelopes u jingħata lilhom. 

Il-Prosekuzzjoni qalet li f’dar ta’ waħda mill-imputati nstabu aktar minn €11,000 fi flus kontanti u dokumentazzjoni dwar il-kontabilità tal-post.

Għalkemm id-difiża sostniet li n-nisa kellhom il-mobiles, il-passaporti u saħansitra setgħu joħorġu għal ftit ħin kuljum, l-Ispettur insista li ħafna minnhom kienu taħt pressjoni sistematika, b’ħafna minnhom iħossuhom li ma setgħux jirrifjutaw klijenti minħabba r-regoli infurzati fuqhom.

Matul il-kawża tqajmu wkoll mistoqsijiet dwar jekk dawn il-kundizzjonijiet jistgħux jitqiesu bħala sfruttament u kontroll, aktar milli sempliċement “xogħol f’qagħda ta’ prostituzzjoni aċċettata”. Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qed tippresiedi l-każ li għadu għaddej.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport