Saturday, December 21, 2024

Kieran Trippier … l-ewwel akkwist tal-amministrazzjoni l-ġdida ta’ Newcastle United

Aqra wkoll

Kieran Trippier ingħaqad ma’ Newcastle United għall-“isfida” u mhux għall-“benefiċċji finanzjarji”, qal il-manager Eddie Howe.

Trippier, ta’ 31 sena, li wasal mingħand Atletico Madrid għal £12-il miljun flimkien ma’ żidiet oħra huwa l-ewwel wieħed li ffirma ta’ Newcastle mit-teħid appoġġjat mill- Għarabja Sawdija f’Ottubru li għadda. Il-kuntratt tiegħu f’St James Park se jibqa’ sejjer sal-istaġun 2023-24.

“Huwa sinjal li l-club għandu ġibda kbira, u mhux qed nitkellem mil-lat finanzjarju,” qal Eddie Howe.

“Kieran ma ġiex għall-benefiċċji finanzjarji tal-kuntratt. Ġie għall-club u għall-isfida li qed jiffaċċja t-team bħalissa, iżda wkoll għall-viżjoni fit-tul, allura naħseb li hija ħaġa enormi għall-club tal-football.”

Trippier qal: “Jekk in-nies jgħidu li huwa dwar il-flus, allura kulħadd huwa intitolat għall-opinjoni tiegħu, iżda naf ir-raġunijiet tiegħi għaliex u dik mhix waħda minnhom.”

Howe, maħtur manager ta’ Newcastle f’Novembru li għadda, iffirma wkoll lid-di­fensur Ingliż fl-2012 waqt iż-żmien tiegħu f’Burnley.

“Nisperaw li bl-iffirmar tiegħu, players oħra madwar id-dinja potenzjalment iħarsu lejn dan u jaqsmu l-ħolma u l-viżjoni tiegħu għal dak li jara,” żied Howe. “Din hija ħaġa kbira għalina.”

Howe qal li jinsab kunfidenti f’aktar akkwisti fis-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar, u żied: “Iżda aħna qegħdin f’idejn il-clubs li jbiegħu players, aħna f’idejn l-aġenti u l-players li jridu jiġu magħna.”

Ekonomija

Sport