Sunday, December 22, 2024

Kif infurmatu li tqila qalilha tkorri jew tneħħi t-tarbija … fi 12-il sena qatt ma ra lil bintu

Il-Qorti preokkupata li missier uża l-proċeduri bħala arma biex iżomm lil omm ostaġġa għall-finijiet tiegħu

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Omm xehdet fil-Qorti kif meta r-raġel tagħha kien infurmat li hi kienet tqila qalilha tkorri jew tneħħi it-tarbija.  L-omm tixhed li fi 12-il sena qatt ma ra lil bintu, għax wara li welldet ma ratux iżjed. Hi xehdet dan fi proċeduri li fetaħ il-missier għal impediment ta’ partenza tal-omm.  Il-Qorti qalet li mandat ta’ inibizzjoni huwa meqjus bħala mezz proċedurali ta’ natura eċċezzjonali. Iddikjarat l l0omm ilha Malta u hi stabbilita hawn. Il-Qorti iddikjarat kif hi mħassba li l-missier uża l-proċeduri tal-qorti bħala arma biex iżomm lil omm ostaġġa għall-finijiet tiegħu.

L-omm xehdet li  hi dejjem għexet hawn Malta u issa ilha tgħix Malta madwar tnejn u għoxrin sena. Sostniet li t-tifla tagħha, li hi minuri twieldet Malta u tgħix Malta, u tattendi skola Malta. Spjegat li missier it-tifla ilu 12-il sena ma jara lill-minuri, u kienet dejjem hi li ħadmet ghaliha, u li rabbitha. Malet ukoll li kienet hi li dejjem refgħet ir-responsabbilità li ġġib magħha t-trobbija tal-ulied. Kompilat tgħid li  fl-iskola primarja, il-minuri kienet tigi minn ta’ l-ewwel fl-eżamijiet. Saħqet li t-tifla llum qieghda fl-ewwel sena tas-sekondarja, u li hi ma ghandha ebda intenzjoni li titlaq minn Malta.

Spjega li  kien biss is-sena l-oħra li l-missier ċemplilha li ried jara lit-tifla. Hi laqgħetu għandha d-dar u laqqgħatu mal-minuri. Qalet li dan għamlitu għax tifhem li b’xi mod dak hu missierha. Malet li però l-missier spiċċa jgħajjat u jsabbat wara li kellhom problema u keċċietu ‘lbarra mid-dar. Enfsizzat li l-missier qatt ma għadda manteniment għat-tifla, u lanqas qatt ma urieha li hu missierha. Sostniet li lanqas offra l-appoġġ tieghu meta l-minuri għamlet intervent mediku fl-età ta’ tlett snin. 

Hi xehdet li l-missier kien ħeddidha illi issa li hu stabbilit, kien se jieħu lill-minuri.  L-omm ikkonfermat illi hi mhux dejjem għexet Malta u ma ċaħditx li r-raġel huwa il-missier bjologiku tal-minuri. Spjegat li meta hi kienet infurmat lill-missier li hi kienet ħarġet tqila, hu kien qalilha biex tkorri, jew tneħħi t-tarbija. Qalet li hu kien telaqha u ma reġgħetx ratu b’għajnejha. 

Żiedet tgħid li l-minuri ma tafx minn hu missierha. Ikkonfermat li meta hi xehdet li l-missier qalilha li hu għandu l-flus u lest iħallas biex jieħu lit-tifla, dan id-diskors sar fuq it-telefon. Qalet imma li  għandha ukoll bil-kitba. 

Mistoqsija jekk il-missier kienx jagħmel kuntatt permezz ta’ telefonati u messaġġi, wieġbet fl-affermativ iżda ċaħdet li qatt talabha ikellem lill-minur. Żiedet tgħid li  meta marret biex tirreġistra lill-minuri, kienet talbitu karta fejn huwa jindika li kien il-missier iżda hu ma riedx jaghmel dan. Ikkonfermat li  hi ma kinitx mexxiet biex isir DNA. 

Mistoqsija jekk tafx li l-missier fetaħ proċeduri biex jiġi rikonoxxut bħala missier il- minuri, l-omm spjegat li l-avukata tagħha qalilha b’dawn il-proċeduri għar-rikonoxximent. 

Il-missier xehed li bejn is-sena 2009 u s-sena 2011, hu kien joqgħod ħdejn l-omm f’Buġibba. Qal li hu kien iżżewweġ lill-mara bir-rit Musulman fil-Moskea għand l-Imam Saadi, iżda hi kienet qaltlu li hi kienet miżżewġa ċertu Libjan, li kienet iddivorzjata u li mingħand din il-persuna kellha tifel. Wara li żżewwġu, kienu għamlu sena flimkien, u meta ħarġet tqila l-ewwel darba kienet korriet. Eventwalment kienu ddeċidew li jisseparaw. Iżżid li dak iż-żmien hu ma kienx qiegħed Malta legalment u l-omm bdiet tagħmillu iktar problemi. Fl-istess perjodu kienet bdiet il-gwerra is-Sirja, kien miet ħuh, ommu kienet ukoll ma tiflahx u minħabba dan, kien mar lura pajjiżu. Dak iż-żmien il-mara kienet tikkomunika miegħu u anke mal-familja tiegħu, u kienet infurmatu li kellha tifla u li jisimha Selma. Jisħaq li minħabba s-sitwazzjoni li ġabet magħha l-gwerra, ma kienx possibbli li jiġi lura Malta, iżda dejjem kien f’ komunikazzjoni mal-mara u għandu ritratti tal-minuri minn meta kienet żgħira sakemm kibret. 

Xehed li hu kien jibgħat bejn €100 u €200 lill-mara ma’ ċertu Ahmed iżda ta’ dan m’għandux prova però insista li bagħtilha ukoll xi flus bil-Western Union. Spjega li meta l-mara kienet marret mal-eks raġel tagħha u binha l-Libja, kien irnexxilha taħrab bit-tifel mill-Libja u issa qiegħda timpika miegħu li hi trid li tmur tgħix mal-minuri l-Ingilterra. Isostni illi dan sar jafu mingħandha stess.

Xehed li għalkemm kien hemm żmien fejn kienet taqta’ l-kuntatt, il-mara kienet terġa’ tirrestawra kuntatt skond il-burdata tagħha. Iżid li l-aħħar li kien Malta, f’Lulju, kien għamel għaxart ijiem magħha. Meta kien ġie Malta, il-mara kienet marret tilqgħu l-ajruport u hu kien ġab rigal għat-tifla. Iżid illi l-mara kienet sorpriża kif it-tifla granfat miegħu u kif qisu kienu ilhom jafu lil xulxin żmien twil. Qal li l-mara kienet offendietu quddiem it-tifla u keċċietu ‘l barra u kien minn hemm li huwa ddeċiedha li jiftaħ proċeduri legali. 

Sostna li familtu mhux kuntenta bilfatt li qisu abbanduna lit-tifla, u hu jrid li jirreġistraha fuq ismu, u jagħmel id-dmir tiegħu bħala missier. Ikkonferma li hu iltaqgħa mal-minuri darba biss, għax l-omm ma ħallietux jaraha iktar. 

Il-Qorti iddikjarat li l-mandat t’impediment ta’ partenza ta’ minuri huwa miżura straordinarja li għandha tintuża fl-aħjar interess tal-minuri, u mhux sabiex ġenitur ikun jista’ jżomm lill- ġenitur l-ieħor ostaġġ. Il-Qorti iddikjarat li ma hemm ebda biża’ reali jew perikolu li l-omm se taħrab minn Malta bit-tifla. Għall-kuntrarju, il-provi jindikaw li l-omm u bintha huma stabbiliti ferm f’Malta. 

Ekonomija

Sport