Min-naħa tiegħu l-kelliem tal-Oppożizzjoni għat-trasport Adrian Delia waqt id-diskussjoni dwar l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-ordinanza dwar ir-regolamenti tat-traffiku kien ċar li hija impossibbli li telimina għalkollox l-inċidenti.
Huwa qal li huwa tajjeb għalkemm din il-liġi se tintroduċi multi li jistgħu jdejqu lil dawk li jiksru r-regoli, dawn għandhom iżidu s-sigurtà fit-toroq tagħna.
Delia tkellem dwar il-kwistjoni tal-multi penali. Huwa kompla mal-Ministru Farrugia u qal li dan għandu jittieħed b’serjetà ikbar għax dawk li jkunu qegħdin jiksru l-liġi b’mod estrem huma dawk li l-aktar li jkunu qed jipperikolaw il-ħajja tagħhom u ta’ ħaddieħor.
Dwar il-Y plates, Delia qal li hemm abbuż kontinwu u rrikonoxxa li dan l-aħħar ntbagħtet anke dokumentazzjoni formali biex javżaw, iżda sostna li hemm bżonn infurzar bis-serjetà biex mhux biss jiddaħħlu liġijiet, iżda l-infurzar biex jiġi evitat rebus.
“Kif jista’ jkun hawn min għandu fuq garaxx wieħed, għexieren jekk mhux mijiet ta’ karozzi? Kif jista’ jkun hemm min m’għandux imqar garaxx wieħed u jkollu l-Y plates? … Jekk inti għandek min jiġi bl-international license mingħajr garaxx u lanqas jafu t-toroq tagħna jew taħriġ dwar il-proċedura tas-sigurtà fit-toroq tagħna. Min qiegħed jagħmel xogħlu sew irridu nipproteġuh imma dawk li qed jabbużaw irridu ninfurzaw”, sostna l-kelliem tal-Oppożizzjoni.