Wednesday, July 24, 2024

Kif nista’ jien permezz tal-isport, ningħaqad aktar ma’ Alla? – Fr Bernard Micallef

Aqra wkoll

Minn Cristian Micallef

Iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar qed tingħata importanza għall-isport u l-eżerċizzju fiżiku fis-soċjetà tagħna. Dan narawh kemm minn aspett individwali, fejn persuni qed ifittxu li jagħmlu xi tip ta’ eżerċizzju bħal ġiri jew inkella jattendu l-gym, kif ukoll fuq aspett aktar professjonali, fejn qed naraw atleti jilħqu livelli għola fid-dixxiplini tagħhom. Huwa sabiħ li tara dan l-iżvilupp, żvilupp li għandu jħeġġiġna bħala socjetà nkomplu ninvestu fl-isport, speċjalment fl-iskejjel tagħna.

Ħafna drabi, persuna tibda tinvolvi lilha nnifisa f’din l-attività għal raġunijiet ta’ saħħa, għas-saħħa mentali, biex ittejjeb il-kapaċitajiet tagħha jew inkella sempliċiment bħala delizzju. Allura meta taħseb ftit, tara li l-benefiċċji tal-isport, kif ukoll l-importanza tiegħu, imur lil’hinn minn dak li forsi biss jara fil-faċċata tiegħu.

Jekk nagħtu ħarsa lejn il-mod ta’ kif diversi soċjetajiet għexu l-isport, naraw li dejjem kellu importanza għola minn sempliċiment saħħa fiżika. Insibu diversi eżempji f’kulturi Ażjatiċi, Amerikani, u Ewropej fejn juru li l-isport kellu wkoll element spiritwali u reliġjuż. L-akbar eżempju għal dan huma l-Olimpjadi li bdew ġewwa l-Greċja, fejn l-isport ma kienx l-uniku avveniment li kien isir. Dawn kienu festi reliġjużi mxerda fuq numru ta’ ġranet fejn, permezz tal-isport kif ukoll attivitajiet artistiċi bħal drama u żfin, dawk li jattendu kienu jagħtu qima lill-allat tagħhom, speċjalment lil Zeus. Fil-fatt il-parteċipanti kienu jsibu ħin jaduraw l-allat fuq l-artali tagħhom, u r-rebbieħa tal-logħob kienu jimxu proċessjonalment sa fuq l-artal ta’ Zeus, joffru sagrifiċċju u jingħataw il-kuruna tagħhom hemmhekk. L-isport, fost l-oħrajn, kien mezz kif jgħaqqadhom mal-allat u juru l-qawwa tal-allat fil-bnedmin. Il-valur tal-isport imur lil’hinn mid-dixxiplina, mill-ħidma flimkien bħala bnedmin, mis-saħħa li jagħtina, imma għandu wkoll element spiritwali li jgħinna nħarsu ‘l fuq minna.

Issa ejja nħarsu lejna nfusna llum u nsaqsu: kif nista’ jien permezz tal-isport nifhem aktar u aktar min jien bħala bniedem, u permezz tal-isport ningħaqad ma’ realtá spiritwali, ningħaqad aktar ma’ Alla? Ħafna jsaqsu, imma dawn x’għandhom x’jaqsmu flimkien? Kien hemm żmien twil saħansitra fejn l-isport u l-attività fiżika kienu jidhru opposti għall-ħajja magħquda ma’ Alla. Pero dan ma jistax ikun minnu, għax hu Alla li ħalaq il-bniedem bil-ġisem tiegħu, u saħansitra Alla stess sar bniedem b’ġisem fiżiku fuq din l-art. Alla tana kapaċitajiet u talenti li mhux biss huma bżonnjużi biex ngħixu, imma li permezz tagħhom aħna nikbru, nitjiebu u ningħaqdu aktar miegħu, hu li tahomlna. Permezz ta’ dawn it-talenti, aħna nistgħu niskopru aktar lil Alla u jgħinuna nikbru f’relazzjoni miegħu. Kif tiġri din?

Kull sitwazzjoni hija opportunità li idealment tgħinna, u l-isport hu għalina opportunità tajba li jgħinna nkunu aħjar, li nitjiebu. Pero xi drabi hemm ukoll ir-riskju li sitwazzjoni tfixklek.  Hu hawnhekk fejn jidħol l-irwol tal-Kummissjoni Djoċesana Sport li, flimkien ma’ ħames membri oħra, jien nagħmel parti minnha. L-għan hu li bħala Kummissjoni, li npoġġu dawl pożittiv fuq dak it-tajjeb li hemm fl-isport, filwaqt li ntejbu dak li jista jtellef. Mhux hekk biss, imma wkoll permezz tal-isport, individwi jaraw kif jistgħu wkoll jgħixu tajjeb bħala bnedmin, fil-każ tagħna wkoll bħala Nsara.

Importanti wkoll f’dan il-punt li nsemmi li l-Kummissjoni, magħrufa bħala KDS, twaqqfet fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta fl-2007. Dan sar wara li Papa San Ġwanni Pawlu II kien waqqaf is-sezzjoni tal-isport fi ħdan il-Kunsill tal-Lajċi tal-Vatikan fl-2004. Din is-sezzjoni tikkordina l-ħidma tad-diversi kummissjonijiet fid-djoċesijiet madwari id-dinja, u torganizza seminars dwar il-fidi u l-isport; seminars li bħala kummissjoni nipparteċipaw ukoll fihom.  

Biex inkompli ma’ dak li kont qed ngħid qabel, l-ewwelnett importanti li persuna tinduna bil-kapaċitajiet differenti u kif dawn l-aħjar tużahom. Persuna sportiva taffaċja wkoll diversi sitwazzjoni li jirrikjedu deċiżjonijiet diffiċli, xi kultant fil-kuntest tal-attività sportiva u xi kultant ‘l barra mill-kuntest. Aħna nsaqsu: kif nistgħu napplikaw valuri tajbin u fil-kuntest tagħna valuri Nsara, fil-mod ta’ kif nilgħabu? Kif jistgħu dawn jidhru fl-azzjonijiet tagħna? Kif nista jien, li ngħid li nemmen f’Alla, ngħix u nuri dan bil-mod ta’ kif nilgħab, bil-mod ta’ kif naġixxi mal-kompetituri tiegħi? B’liema mod jien nirrispetta l-ġisem tiegħi fi preparazzjoni għall-attivitajiet sportivi? Din il-lista tibqa għaddejja. Għal dan il-għan bħala Kummissjoni nduru skejjel, gruppi fil-parroċċi u gruppi żgħażagħ nippromovu x’jgħallimna l-isport dwar dan kollu, u kif permezz tal-isport nistgħu nkunu persuni aħjar. Huwa x-xewqa tagħna wkoll li ‘l quddiem ikolna ċans biex nagħmlu dan fi klabbs tal-isport differenti f’pajjiżna.

Bħala Kummissjoni nfittxu li nikkordinaw il-ħidma sportiva li diġa sseħħ fi ħdan il-Knisja f’Malta permezz ta’ diversi skejjel u għaqdiet. L-inizjattivi sportivi matul is-snin kienu tajbin ħafna, u għenu wkoll fl-iżvilupp tal-isport f’Malta, u dawn għandna nibqgħu nsaħħuhom. Hi wkoll x-xewqa tagħna li jkolna aktar persuni jaħdmu magħna biex nilħqu aktar nies, u għal dan il-għan ħejjejna wkoll kors li jipprepara persuni biex isiru Sports Ministers. Xi jfisser dan? Sports Ministry hija realtà li żviluppat fil-knejjes protestanti, fejn prattikament tfisser tgħaqdi permezz tal-isport – tgħaqdi sportivi u dawk li jħobbu l-isport fl-iżvilupp tagħhom, u fl-aħħar mill-aħħar biex ukoll isiru aktar dixxipli ta’ Ġesu, fid-dawl ta’ dak kollu li semmejna qabel. Dwar dan, bħala Kummissjoni naħdmu ħafna ma’ diversi denominazzjonijiet Kristjani, kemm Malta u anke barra. Hawn tidher l-għaqda li l-isport jippromovi. 

Esperjenza li kelli marbuta ma’ dan kienet is-sajf l-ieħor waqt il-Logħob Dinji għall-Para-Atleti (atleti b’diżabbiltà fiżika) ġewwa Pariġi, fejn flimkien ma’ 11-il persuna oħra kont qed inkun ta’ servizz spiritwali għal dawk preżenti. Atleti, kowċis, voluntiera u spettaturi kellhom ċans jiġu jkelmuna fuq dak li jkunu għaddejjin minnu, forsi jieħdu parir, u anke jitolbu magħna.

Permezz tal-isport kapaċi ngħixu ħafna aktar minn sempliċiment logħba, ejjew nagħmlu l-aħjar minn dak li tana Alla!

Għal aktar informazzjoni tistgħu tidħlu fil-paġni tagħna ta’ Facebook u l-profil ta’ Instagram, jew tibgħatulna email fuq [email protected].

Ekonomija

Sport