Saturday, December 21, 2024

KIF QED TIĠI MIĠĠIELDA L-VJOLENZA DOMESTIKA?

Aqra wkoll

Suġġett li f’dawn l-aħħar jiem reġa’ kien fiċ-ċentru tad-diskussjoni kien il-vjolenza domestika. Dan tqanqal fl-isfond tal-każ riċenti dwar qtil ta’ mara oħra f’pajjiżna. Iżda qabel xejn tajjeb illi ngħidu li l-vjolenza domestika hi pjaga mhux biss f’pajjiżna imma anke ta’ bosta pajjiżi oħra.

F’pajjiżna, ta’ sikwit nisimgħu b’każi fejn isseħħ din it-tip ta’ vjolenza, li tħalli warajha vittmi u anke marki fiżiċi u psikoloġiċi li jibqgħu hemm għal tul ta’ żmien. Stejjer li rridu nirrikonoxxu li mhux biss jinvolvu lin-nisa, għalkemm jibqgħu l-aktar predominanti, imma wkoll vjolenza fuq l-irġiel.

U huwa proprju għalhekk li nemmnu li għandha tkompli l-ħidma sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra din il-pjaga u dan billi jitqajjem aktar għarfien dwar l-aċċessibiltà tas-servizzi offruti. Proprju dwar dan tkellem il-Prim Ministru Robert Abela li enfasizza l-bidlet kbar li saru f’dan il-qasam.

Riċentament, iddaħħal tibdil fil-liġi fejn twessgħet it-tifsira ta’ vjolenza domestika li biha ngħata iżjed is-saħħa legali biex ikun indirizzat fejn ma kienx indirizzat. Fost riformi oħra hemm li issa persuna tista’ tikseb informazzjoni dwar is-sieħeb jew is-sieħba dwar jekk qattx kellhom storja ta’ vjolenza domestika fil-passat.

Aktar miżuri li ħallew impatt f’dan il-qasam kienu li żdiedu għal tnejn il-Maġistrati ffukati biss fuq dawn il-każijiet filwaqt li ġew allokati aktar seduti sabiex jitħaffef il-proċess f’dawn il-każi.

Novità oħra hi dik li se jkunu introdotti panic buttons, apparat żgħir li jista’ jkun moħbi wkoll, li bih il-vittmi ta’ vjolenza domestika jindikaw lill-pulizija meta jkunu jinsabu fir-riskju li ssir vjolenza fuqhom. Permezz ta’ dan l-apparat, il-pulizija jingħataw sinjal ta’ fejn iridu jmorru fuq il-post. 

B’sodisfazzjon ninnutaw ukoll li llum għandna ċentru attrezzat b’ambjent li jilqgħek f’Santa Luċija għall-vittmi ta’ vjolenza domestika li jkunu jeħtieġu għajnuna immedjata huma u kif ukoll il-qraba tagħhom fosthom tfal. Ma’ dan se jkun qed jiżdied hub ieħor fiċ-ċentru ta’ Malta s-sena d-dieħla.

Minkejja li ttieħdu dawn il-miżuri kollha biex tkompli tiġi indirizzata din il-pjaga, nemmnu li jsir kemm isir qatt mhu biżżejjed. U dan anke fl-isfond tar-realtajiet li qegħdin jinbidlu l-ħin kollu. Għalhekk huwa ttamat li dawn il-miżuri kollha, flimkien ma’ oħrajn li se jiġu introdotti fiż-żmien li ġej, iservu ta’ deterrent biex kemm jista’ jkun tonqos il-vjolenza domestika mis-soċjetà Maltija fejn għad hawn min mhux jersaq ‘il quddiem minħabba biża’ u theddid.

Ekonomija

Sport