Minn Kayne Said, Maniġer għal Komunikazzjoni – Fondazzjoni Logħob Responsabbli – [email protected]
L-imħatri (logħob tal-azzard) jistgħu jkunu attività ta’ divertiment jekk isiru b’mod responsabbli, iżda għal xi individwi din l-attività tista’ tinbidel f’vizzju li jaffettwa ħajjithom b’mod negattiv.
Li tirrikonoxxi s-sinjali tal-imħatri problematiċi kmieni huwa kruċjali biex tiġi evitata eskalazzjoni li tista’ twassal għal diffikultajiet finanzjarji, emozzjonali, u saħansitra soċjali.
Wieħed mill-ewwel sinjali ta’ mħatri problematiċi huwa t-telf tal-kontroll fuq l-imġieba. Dan iseħħ meta persuna tqatta’ aktar ħin u flus milli ppjanat, jew tibqa’ tagħmel imħatri biex tipprova tirkupra t-telf tagħha.
Din il-mentalità, magħrufa bħala “chasing losses”, hija indikatur perikoluż li l-imħatri m’għadhomx biss forma ta’ divertiment, iżda saru problema serja.
Sinjal ieħor huwa l-imġieba sigrieta jew difensiva. Meta persuna tibda taħbi l-attività tal-imħatri tagħha, ma tiddiskutihiex, jew tgħaddiha b’mod difensiv meta mistoqsija dwarha, dan jista’ jkun indikazzjoni li qed tħoss ħtija jew biża’ mill-konsegwenzi. Dan it-tip ta’ sigriet jista’ jikkawża aktar stress u iżolament fuq il-persuna.
Problemi finanzjarji huma wkoll indikatur ċar. Jekk persuna ssib ruħha tissellef flus kontinwament, tissagrifika ħtiġijiet essenzjali, jew tgħaddi minn diffikultajiet biex tħallas id-djun minħabba l-imħatri, huwa ċar li hemm problema serja. Dawn il-problemi jistgħu joħolqu ċiklu vizzjuż ta’ pressjoni finanzjarja u aktar imħatri biex “tirranġa” s-sitwazzjoni.
Relazzjonijiet jistgħu jiġu affettwati ħażin ukoll. L-imħatri problematiċi spiss iwasslu għal argumenti, nuqqas ta’ fiduċja, u ankè t-tmiem ta’ relazzjonijiet.
Persuna affettwata tista’ tqatta’ inqas ħin ma’ dawk li jħobbuha, u minflok tiffoka biss fuq l-imħatri. Dan iżid is-sens ta’ iżolament u jżid ir-riskju ta’ dipressjoni.
Sinjali emozzjonali huma importanti wkoll biex jiġu rikonoxxuti. Stress, ansjetà, bidliet fil-burdata, jew saħansitra ħsibijiet ta’ ħtija jew disperazzjoni huma kollha indikaturi ta’ vizzju fl-imħatri. Dawn l-effetti mentali jistgħu jiggravaw il-problema u jagħmluha aktar diffiċli biex wieħed ifittex is-sapport.
Madankollu, huwa importanti li wieħed jifhem li s-sapport huwa dejjem disponibbli. Il-1777, servizzi speċjalizzati minn entitajiet bħall-Caritas u s-Sedqa, jew konsulenti tas-saħħa mentali, huma ddedikati biex jgħinu lil dawk affettwati.
L-appoġġ tal-familja u l-ħbieb huwa wkoll vitali biex jgħin lil individwu jerġa’ jibni ħajtu.
Li tirrikonoxxi l-problema hu pass fundamentali lejn il-fejqan. B’sapport tajjeb, kull persuna tista’ terġa’ tikseb il-kontroll fuq ħajjitha u tgħix b’mod responsabbli u bilanċjat.
www.rgf.org.mt