Tuesday, December 24, 2024

Kim Jong-un jidher għall-ewwel darba bil-maskra

L-esperti jaħsbu li l-virus ilu jiċċirkola għalkemm l-ewwel każi kienu konfermati fl-aħħar jiem

Aqra wkoll

Skont il-midja tal-istat, il-mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong-un iddeskriva l-firxa tal-virus tal-covid-19 fil-pajjiż bħala “diżastru kbir”.

Waqt laqgħa li sejjaħ b’mod urġenti, Jong-un sejjaħ għal azzjoni immedjata biex tiġi trattata l-firxa tal-virus. Dan wara li l-Ħamis, l-uffiċjali ħabbru l-ewwel każi konfermati – għalkemm l-esperti jemmnu li l-virus x’aktarx ilu jiċċirkola għal xi żmien.

Il-popolazzjoni ta’ madwar 25 miljun persuna hija meqjusa vulnerabbli minħabba nuqqas ta’ provvista ta’ tilqim u minħabba li s-sistema tal-kura tas-saħħa hija waħda pjuttost fqira.

Il-midja tal-istat irrapportat ukoll dwar nofs miljun każ ta’ persuni li qabadhom id-deni fejn il-pazjenti ma ngħatawx spjegazzjoni tal-kawża ta’ dan il-mard. Il-pajjiż huwa limitat ukoll fil-kapaċitajiet li jittestja lil niesu u għalhekk il-biċċa l-kbira tal-każi jidher li għadhommhumiex konfermati.

“It-tixrid tal-epidemija malinna hija l-akbar taqliba li qiegħed isofri minna pajjiżna sa mit-twaqqif”, kompla Jong-un.

Huwa waħħal fl-inkompetenza burokratika u medika, u ssuġġerixxa li jistgħu jittieħdu lezzjonijiet mir-rispons ta’ pajjiżi ġirien bħaċ-Ċina. Il-midja tal-istat irrapurtat ukoll li 27 persuna mietu minn April wara li telagħlhom id-deni. Ir-rapporti ma jgħidux jekk dawn il-vittmi rriżultawx pożittivi għal Covid, apparti mewta waħda fil-kapitali Pyongyang li ġiet ikkonfermata bħala każ tal-varjant Omicron.

L-ammissjoni bla preċedent tal-Ħamis timmarka t-tmiem ta’ sentejn ta’ pretensjonijiet tal-Korea ta’ Fuq li baqgħet issostni li hija ħielsa minn Covid. Is-sena li għaddiet saħansitra kienu rrifjutaw offerti mill-komunità internazzjonali li kienet lesta twasslilhom miljuni ta’ dożi tal-AstraZeneca u tilqim magħmul fiċ-Ċiniżi s-sena li għaddiet. Minflok kienet sostniet li kien irnexxielha tikkontrolla l-Covid billi ssiġġillat il-fruntieri tagħha kmieni f’Jannar tal-2020.

Waqt laqgħa li saret il-Ħamis li għadda u li fiha ġew diskussi regoli ġodda dwar il-Covid, Jong-un deher liebes maskra tal-wiċċ. Rapporti qed jispekulaw li din setgħet kienet l-ewwel darba li deher liebes il-maskra. Fl-istess laqgħa huwa ordna kontrolli ta’ emerġenza massima u qiegħed ikun mifhum li dawn l-ordnijiet kienu jinkludu lockdowns u restrizzjonijiet fl-ammont ta’ persuni li jistgħu jinġabru fl-istess post.

Ekonomija

Sport