Wara s-suċċessi kbar fl-edizzjonijiet preċedenti tas-Summer LUST Music Festival, li laqa’ artisti ta’ fama internazzjonali bħal Anastacia, Gigi D’Alessio, Chris Norman u Umberto Tozzi, l-organizzaturi qed jerġgħu jippreżentaw programm eċċezzjonali għall-2026.
Din is-sena, Ħal Għaxaq se jerġa’ jixgħel b’żewġ kunċerti spettakolari fil-15 u t-22 ta’ Mejju f’Għaxaq Grounds. Kunċerti li jwiegħdu esperjenza indimentikabbli għal dawk kollha li jħobbu l-mużika. Il-festival jagħlaq fit-23 ta’ Mejju bil-gran finali — Summerlust 90’s Edition — meqjus bħala l-avveniment ewlieni tal-muzika tas-snin disgħin f’Malta.
Fl-ewwel lejl, propju fil-15 ta’ Mejju, il-leġġendarja Kim Wilde, il-vuċi ikonika tas-snin tmenin, ser tkun qed tiftaħ dan il-festival. Hija kisbet fama internazzjonali fl-1981 bil-kanzunetta Kids in America, u malajr saret waħda mill-aktar artisti influwenti tad-deċennju. B’suċċessi kbar bħal You Keep Me Hangin’ On, Cambodia, You Came u Never Trust a Stranger, hija biegħet aktar minn 30 miljun diska madwar id-dinja.
Il-pubbliku jista’ jistenna spettaklu mimli kanzunetti klassiċi u enerġija li għamlitha stilla internazzjonali. Id-dħul huwa bla ħlas, b’donazzjonijiet miġbura mal-bieb b’risq Dar Bjorn. Dawk li jixtirqu postijiet iktar komdi u biljetto VIP jistghu jakkwistaw il-biljett taghhom fuq www.showshappening.com.

