Wednesday, April 24, 2024

Kinnie din is-sena tiċċelebra s-70 anniversarju

Aqra wkoll

Kinnie, ix-xarba ikonika u favorita ta’ Malta, dejjem klassika u li qatt ma teqdiem, din is-sena qed tfakkar is-70 anniversarju tagħha. 

Minn dakinhar tal-ħruġ tagħha fis-suq lokali fl-1952, minn Simonds Farsons Cisk, Kinnie baqgħet differenti mix-xarbiet l-oħra u fl-aħħar 70 sena din is-soft drink unika, morra u ħelwa fl-istess ħin, evolviet f’waħda mix-xarbiet ewlenin u tant imfittxija f’Malta.

Ir-riċetta tagħha tibqa’ sigrieta u hi magħmula mill-estrazzjoni tal-essenzi naturali tal-larinġ u ta’ ħwawar aromatiċi u eżotiċi li jqawwu t-togħma oriġinali tagħha u jagħtuha l-lewn dehbi u oranġjo.

Il-moħħ wara Kinnie kien iċ-Chairman u d-Direttur Maniġerjali ta’ Farsons, il-mibki Anthony Miceli Farrugia, jew kif baqa’ magħruf bħala s-Sur Ninì. Ix-xarba nħolqot bħala reazzjoni għal għadd ta’ ditti internazzjonali, ħafna minnhom tat-tip cola, li bdew deħlin f’Malta wara l-gwerra. Fi kliem is-Sur Ninì nnifsu, “Meta ħriġna l-Kinnie, fl-1952, ma kellna l-ebda ħsieb nidħlu fis-suq b’soft drink bħal tad-ditti internazzjonali popolari. Ridna li x-xarba l-ġdida tagħna jkollha karattru distintiv ħalli nidentifikawha minn tal-kompetituri.”

Minkejja l-ħafna imitazzjonijiet li ispirat Kinnie matul is-snin, id-differenza u l-oriġinalità baqgħu żewġ fatturi fil-qofol tal-iżvilupp tal-marka tagħna u Kinnie kompliet tappella u tikkompeti mal-marki l-kbar dinjin tas-soft drinks. 

Maż-żmien il-portafoll ta’ Kinnie baqa’ jikber u issa jinkludi żewġ varjazzjonijiet: Diet Kinnie, verżjoni b’inqas kaloriji li tnediet fl-1984; u Kinnie Zest, verżjoni bla zokkor u b’togħma aktar qawwija ta’ larinġ imfittxija iżjed mill-ġenerazzjoni ż-żgħira tal-klijenti l-ġodda, li tnediet fl-2007. Barra minn hekk, fl-2021 ħriġna b’suċċess kbir l-aperittiv Kinnie Spritz, b’4% alkoħol. Kinnie Spritz fih taħlita unika ta’ ħwawar naturali morri, spirti botaniċi, u nbid abjad frizzanti Taljan. 

Kinnie għandha rwol ċentrali fl-istrateġija sħiħa ta’ Farsons biex tkompli tikber fil-ġejjieni u għandha wkoll sehem sinifikanti partikolari fil-qasam tal-esportazzjoni. Diġà tinsab mal-Ewropa f’pajjiżi bħar-Renju Unit, il-Polonja, Franza, il-Ġermanja, ir-Repubblika Ċeka, u l-Olanda, fost l-oħrajn, u f’pajjiżi aktar imbiegħda bħall-Kanada u l-Awstralja. 

Is-70 sena anniversarju tax-xarba ikonika Kinnie

Il-Kap tat-Taqsima tar-Reklamar u l-Bejgħ, Susan Weenink Camilleri, qalet li “L-istorja ta’ Kinnie hi unika bħat-togħma u l-aroma distintivi tagħha. Iċ-ċelebrazzjoni tas-70 anniversarju hi tarġa kbira għal kull marka kummerċjali. Fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin għandna għadd ta’ inizjattivi, promozzjonijiet u attivitajiet imħejjija biex infakkru din l-okkażjoni speċjali. Ikkummissjonajna sett ta’ illustrazzjonijiet oriġinali li se nużawhom tul din il-kampanja ċelebrattiva, u għandna wkoll edizzjoni limitata ta’ ppakkeġġjar u numru ta’ reklami.”

Kinnie hi prodotta, irreklamata u mqassma minn Simonds Farsons Cisk plc, membru tal-Grupp Farsons.

Sport