Kinnie, ix-xarba ikonika ta’ Malta, issa bdiet tiġi prodotta wkoll il-Ghana. Dan hu pass storiku għax qed jimmarka l-ewwel produzzjoni tal-marka fil-kontinent Afrikan.
Din l-espansjoni strateġika, f’kollaborazzjoni ma’ Acadia Industries, li hi kumpanija Ghanjana b’rekord b’saħħtu fis-settur FMCG, qed tieħu t-togħma friska tal-Kinnie għand il-konsumaturi Ghanjani. Hemmhekk hi magħmula bl-istess riċetta ikonika u standards tal-kwalità li wasslu biex din il-marka kummerċjali ssir isem magħruf f’Malta u lil hinn.
“Din it-tnedija mhix biss dwar il-ħruġ tax-xarba f’suq ieħor imma tfisser ukoll li qed nibnu sħubija fit-tul ma’ msieħeb stabbilit u ta’ reputazzjoni b’saħħitha fil-Ghana, u li qed ninvestu fil-kapaċità lokali, u naqsmu parti mill-wirt Malti mal-Afrika tal-Punent,” qal is-Sur Michael Farrugia, Deputat Kap Eżekuttiv (Negozju tax-Xorb) ta’ Simonds Farsons Cisk plc.
Is-Sur Farrugia kompla li: “Il-kultura vibranti tal-Ghana, l-ambjent favur in-negozju, is-suq tax-xorb li qed jikber b’pass mgħaġġel, u l-apprezzament għal xarbiet bil-ħwawar jagħmlu lil dan il-pajjiż ideali għall-ewwel produzzjoni tagħna fl-Afrika.”
B’din is-sħubija franchise, l-operati kollha – mill-produzzjoni sad-distribuzzjoni – qed isiru mill-kumpanija Ghanjana, b’appoġġ kontinwu minn Malta.
Is-Sur Fouad Moufarrej, id-Direttur Maniġerjali ta’ Acadia Industries, qal: “Aħna sodisfatti ferm li ġejna fdati biex inwasslu x-xarba ikonika Maltija mal-Ghana. Din il-kollaborazzjoni tirrappreżenta taħlita tal-istil Mediterranju u d-dinamiżmu Afrikan, u aħna kunfidenti li l-konsumaturi Ghanjani se jilqgħu din ix-xarba unika li tispikka fost il-maġġoranza tax-xarbiet l-oħra li għandna fis-suq tal-lum.”
Simonds Farsons Cisk għandha pjanijiet li tintroduċi l-Kinnie fi swieq oħra, kemm fl-Afrika tal-Punent u kemm f’tal-Lvant, matul is-sentejn jew it-tliet snin li ġejjin flimkien ma’ msieħba strateġiċi b’interess komuni. B’hekk tkompli tlaqqa’ l-konsumaturi ta’ dawn is-swieq ma’ xarba b’togħma distinta u li tista’ titħallat ma’ firxa wiesgħa ta’ xorb alkoħoliku u spirti.