Wednesday, June 11, 2025

Kinnie tħabbar il-pożizzjoni globali tal-marka u l-viżjoni biex tagħmel Kuljum Oriġinali

Aqra wkoll

Kinnie, ix-xarba ikonika Maltija, ħabbret il-pożizzjoni l-ġdida u vibranti tal-marka tagħha li tiċċelebra l-individwalità, il-kreattività u l-immaġinazzjoni, u li tispira lill-konsumaturi biex jixorbu b’mod differenti, jesploraw u jgawdu esperjenzi ġodda.

Id-dehra l-ġdida u friska ta’ Kinnie toħroġ il-kwalitajiet ewlenin tagħha: kunfidenti, ikonika, u marbuta mal-legat tagħha b’enerġija friska u kontemporanja. Fil-qalba tal-logo l-ġdid hemm sensiela dinamika ta’ ċrieki oranġjo li jissimbolizzaw il-moviment, l-enerġija u l-vitalità. Dawn iċ-ċrieki vibranti joħolqu sens ta’ ċaqliq kontinwu, li jixhed il-ħarsa tal-marka fil-futur. Id-disinn ġeometriku bit-tikek sottili fid-disinn jirrappreżenta l-qoxra tal-larinġa u l-effervexxenza tax-xarba. Id-dell tal-isem Kinnie, iffurmat bid-dawl tax-xemx li jsaħħan, jiffriska u joħroġ l-istil ta’ ħajja fil-beraħ li miegħu hi sinonima x-xarba.

Susan Weenink Camilleri, Head of Sales & Marketing, ikkummentat dwar dan l-iżvilupp importanti u qalet li: “L-identità l-ġdida tal-marka Kinnie hi mibnija fuq il-qawwa tas-sempliċità: kuraġġuża, ċara, u kunfidenti. Il-logo l-ġdid huwa l-aktar verżjoni ikonika li qatt kellha Kinnie s’issa, u se jmexxina b’kunfidenza biex inkomplu nħallu effett aħna u nespandu l-marka kummerċjali f’reġjuni ġodda.”

Din it-tnedija hija r-riżultat ta’ proċess intens ta’ riċerka fis-suq, strateġija u kreattività, f’kollaborazzjoni mal-aġenzija rinomata Bluemarlin, ibbażata fir-Renju Unit. 

“Għandna ambizzjonijiet kbar biex nidħlu fi swieq ġodda u nqanqlu l-interess ta’ konsumaturi potenzjali ġodda madwar id-dinja. U biex nagħmlu dan irridu nkunu kuraġġużi, kunfidenti u konsistenti fil-mod kif inwasslu l-marka tagħna. B’din il-pożizzjoni l-ġdida nixtiequ nikkomunikaw ma’ udjenzi ġodda u nippreżentaw ix-xarba Kinnie bħala soft drink ikonika globali b’togħma unika u bi stil ta’ ħajja ispirat kulturalment,” kompla Michael Farrugia, Deputy Chief Executive (Beverage Business). 

Il-Kinnie kienet ideja ta’ Anthony ‘Sur-Nini’ Miceli Farrugia, ex Chairman ta’ Farsons, u l-ħolma tiegħu kienet li Kinnie tkun xarba differenti. Ħarġet fl-1952 bħala alternattiva għall-invażjoni tal-cola f’Malta dak iż-żmien u għamlet suċċess mill-ewwel mal-Maltin. Minn dakinhar baqgħet parti mit-tradizzjoni ta’ kuljum, ix-xarba maħbuba minn kulħadd tul il-ġenerazzjonijiet. 

Kinnie minn dejjem kienet promotur tal-kreattività u l-innovazzjoni, u baqgħet fuq quddiem nett fl-oqsma tal-moda, l-istil u l-ħtiġijiet tal-konsumaturi bit-tnedija ta’ diversi verżjonijiet oħra tagħha matul is-snin, fosthom Kinnie Zest u issa Kinnie Zero. Dan l-aħħar Kinnie ħaddnet ukoll b’mod kuraġġuż il-preferenzi l-ġodda tal-konsumaturi bl-għażla tal-Kinnie Aperitivo, b’kontenut alkoħoliku ta’ 4%. 

Kinnie hija prodotta, mibjugħa, imqassma u rreklamata minn Simonds Farsons Cisk plc. Il-portafoll tagħha bħalissa jinkludi l-Kinnie oriġinali, il-Kinnie Zero u l-Kinnie Zest fil-bottijiet u l-fliexken PET riċiklabbli. Ix-xarbiet Kinnie u Kinnie Zero jinbiegħu wkoll fil-fliexken tal-ħġieġ li jerġgħu jintużaw u bid-draught. L-għażla tal-Kinnie Aperitivo tinkludi l-Kinnie Spritz u l-Kinnie Rumba li ħarġet dan l-aħħar fil-fliexken tal-ħġieġ. Ara www.kinnie.com.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport