Saturday, January 11, 2025

Kirsten Spiteri hija r-rebbieħa tal-Konkors ta’ Kitba għaż-Żgħażagħ; titnieda l-edizzjoni tal-2025

Aqra wkoll

Il-manuskritt rebbieħ tal-Konkors ta’ Letteratura għaż-Żgħażagħ 2024 huwa ‘KRISTALLI TAS-SILĠ’, li kien sottomess minn Kirsten Spiteri. Il-konkors jittella’ b’ħidma bejn il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) u Aġenzija Żgħażagħ.

Dan tħabbar il-Ġimgħa waqt ċerimonja li kienet ippreseduta mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti.

Filwaqt li feraħ kemm lir-rebbieħa u wkoll lil dawk li pparteċipaw, il-Ministru Clifton Grima qal li dan il-konkors mhux biss huwa pjattaforma oħra li permezz tiegħu qed issir ħidma għat-tkattir tas-settur letterarju ta’ pajjiżna, imma wkoll biex tissaħħaħ il-lingwa Maltija. “Irridu naħdmu b’mod kollettiv biex naraw li l-lingwa tagħna ma titwarrabx. Ħidma li trid ukoll issaħħaħ il-Malti. B’hekk daħħalna miżuri u inizjattivi fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni li jaraw l-infurzar mill-ġdid tal-lingwa Maltija bħala suġġett essenzjali. Apparti dan, hemm ħidma għaddejja fl-iskejjel kollha permezz tal-programm Rimonta tal-Qari fil-lingwa Maltija,” qal il-ministru.

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti saħaq li, “Din l-inizjattiva tirrifletti l-impenn tagħna biex insaħħu liż-żgħażagħ permezz tal-qawwa tal-letteratura. Billi nrawmu l-imħabba għall-qari u nappoġġjaw lill-awturi Maltin, mhux biss qed nippreservaw il-lingwa unika tagħna, imma qed nispiraw lill-ġenerazzjoni li jmiss biex jesploraw orizzonti ġodda, joħolmu mingħajr limiti, u jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.”

L-għan tal-konkors huwa li jintgħażlu, jiġu ppremjati u ppubblikati rumanzi bil-Malti miktubin apposta għaż-żgħażagħ ta’ bejn it-13 u t-18-il sena li jesploraw id-dinja tagħhom tal-lum, b’dak kollu li din il-fażi tal-ħajja ġġib magħha. B’hekk l-organizzaturi jittamaw li jiżdiedu aktar kotba f’dan il-ġeneru u ż-żgħażagħ jsibu qari bil-Malti li jinteressahom u jimmotivahom.

Fuq kollox, l-organizzaturi jaspiraw ukoll li jippromovu letteratura ta’ livell għoli billi jippremjaw testi ta’ kontenut letterarju għoli. Barra minn hekk ikun hemm inċentiv għall-awturi biex jissottomettu rumanzi oriġinali u innovattivi. B’hekk iż-żgħażagħ jibdew igawdu wkoll minn letteratura miktuba speċifikament għall-etajiet u ż-żminijiet tagħhom, rumanzi li jħeġġuhom jaqraw aktar u aħjar.

Leanne Ellul ingħatat trofew, ċertifikat kommemorattiv u premju ta’ €1,000, kif ukoll sussidju biex jintuża fil-pubblikazzjoni tar-rumanz ma’ dar tal-pubblikazzjoni tal-għażla tagħha, wara li tiffirma l-kuntratt tal-pubblikazzjoni.

L-organizzaturi tal-konkors irringrazzjaw lill-membri tal-ġurija li għażlu l-manuskritt rebbieħ minn fost is-sottomissjonijiet li ġew evalwati skont damma ta’ kriterji stabbiliti, fosthom l-iżvilupp tal-istorja u l-karattri, l-oriġinalità, il-lingwa, u l-kwalità.

Waqt iċ-ċerimonja l-KNK u Aġenzija Żgħażagħ ġeddew uffiċjalment il-kollaborazzjoni tagħhom u nedew l-edizzjoni tal-Konkors għas-sena 2025, li se tilqa’ s-sottomissjonijiet bejn it-23 ta’ Jannar u t-30 ta’ Awwissu 2024 f’nofsinhar.

L-applikazzjoni, il-kriterji u l-linji gwida se jkunu aċċessibbli mis-sit tal-KNK u ta’ Aġenzija Żgħażagħ fid-data tal-ftuħ għas-sottomissjonijiet.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport