Wednesday, December 25, 2024

“Kisba li ma kinitx faċli”

Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta dwar rikonoxximent miksub mill-NCPE għall-ħidma fil-qasam tal-ugwaljanza

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-Università ta’ Malta tinsab onorata għar-rikonoxximent li għadha kemm ingħatat mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE). F’attività li saret nhar l-Erbgħa 24 ta’ Lulju r-Rettur Prof. Alfred J. Vella bi pjaċir laqa’ l-Equality Mark Certification f’isem l-Università. 

Waqt iċ-ċerimoja tal-ogħti taċ-ċertifikazzjoni r-Rettur stqarr kif “din il-kisba ma kinitx xi ħaġa faċli. Kien jeħtiġilna nirriflettu, niddiskutu u nħarsu lejnna nfusna bħala istituzzjoni edukattiva biex nevalwaw il-prattiċitajiet tagħna u biex b’hekk verament inkunu qed inrawmu kultura aktar inklussiva.”

Ambjent sigur u li jilqa’ lil kulħadd

L-Università hija ffukata biex toħloq u tmantni ambjent fejn il-membri tal-komunità tagħha kemm l-impjegati u l-istudenti, jistgħu jħossuhom siguri u milqugħin huma min huma, ġejjin minn fejn ġejjin. L-Università hija kommessa li tkompli taħdem qatigħ biex telimina kull tip ta’ diskriminazzjoni lejn l-individwi kollha, irrispettivament mill-ġeneru, ir-razza, l-etniċità, id-diżabiltà, l-età, jew kwalunkwe karatteristika oħra protetta bil-liġi.

F’dan id-dawl, din il-kisba tirrikonoxxi wkoll ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-istituzzjoni, filwaqt li tenfasizza l-impenn sod biex prattiċi istituzzjonali u kwalunkwe miżura jew inizjattiva tkun imfassla b’lenti intersezzjonali. Dan ifisser li l-identità sħiħa tal-persuna tingħata valur b’mod totali u l-isfidi li jistgħu jaffaċċjaw xi persuni jkunu indirizzati b’mod ħolistiku. 

Il-Professur Carmen Sammut, il-Pro-Rettur tal-Universtià għall-Affarijiet tal-Istudenti u l-Istaff u l-Outreach, sostna li, “din hija kisba importanti li tkompli tivvalida l-ħidma ta’ ħafna nies li jaħdmu qatigħ b’għan wieħed biex kemm l-Università kif ukoll il-Junior College jibqgħu jkunu postitjiet fejn kulħadd jista’ jirnexxi u fejn kull persuna tista’ tilħaq il-potenzjal tagħha f’ambjent sigur u inklussiv”. 

L-intersezzjonalità hija ċentrali għall-politika, il-miżuri u l-inizjattivi tal-Università. It-tim li kien inkarigat jindirizza l-pjan tal-ekwità, id-diversità u l-inklużjoni għażel li minflok ma jiffoka biss fuq il-karatteristika tal-ġeneru, żviluppa dik li tissejjaħ Gender+ Equity Plan. Pjan ambizzjuż intenzjonat li jixpruna l-bidla f’kull livell tal-istituzzjoni. 

Inizjattivi u programmi 

Matul dawn l-aħħar snin tnedew bosta inizzjattivi u programmi bil-għan li jippromovu l-ugwaljanza u d-diversità, bl-aktar bidla strutturali riċenti tkun dik li jitwaqqaf kumitat iddedikat speċifikament għall-kwistjonijiet ta’ ekwità ppresedut mill-Professur Carmen Sammut. Barra minnhekk, il-ħidma tal-Kumitat issaħħet bit-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Ekwità fl-2022. Flimkien mal-kumitati ffukati fuq id-Diżabiltà, l-Ugwaljanza fil-Ġeneru u l-Orjentazzjoni Sesswali u Razza u l-Etniċità, l-Uffiċju tal-Ekwità jara li l-Pjan ta’ Azzjoni qiegħed jitwettaq u jiġi implimentat.

Uħud mill-inizjattivi l-aktar notevoli li seħħew matul din is-sena kienu għadd ta’ kampanji strateġiċi immirati biex jippromovu tolleranza żero għall-fastidju (bħall-kampanja reċenti “le għal diskors ta’ mibegħda” u dik ta’ “Zero Tolerance. Zero Excuses”). Ittellgħu wkoll avvenimenti oħra bħal attivitajiet ta’ diskussjoni fil-Junior College, kompilazzjoni ta’ riċerka mill-istudenti Universitarji dwar il-vjolenza domestika b’kollaborazzjoni mal-Librerija tal-Università u kampanja oħra bl-isem ta’ ‘Empowering Change-Investing in Prevention.’ Din tal-aħħar saret b’kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-istudenti Universitarji fejn studenti stess ipproponew għadd ta’ proposti tanġibbli biex jindirizzaw, jipprevjenu u jiġġieldu l-vjolenza abbażi tal-ġeneru. 

Il-ktejjeb tal-proposti ġie ppreżentat uffiċjalment ukoll lir-Rettur tal-Università, lis-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi l-Onor. Rebecca Buttigieg, u lill-Kummissarju għall-Vjolenza Domestika u dik Abbażi tal-Ġeneru, is-Sinjura Samantha Pace Gasan.

“Għadna ma wasalniex…

Iżda għamilna progress sinifikanti”

Fid-dawl tal-ħidma kontinwa u l-impenn li għandha l-Università f’dan il-qasam Nadia Abdilla, il-Koordinatriċi tal-Uffiċju tal-Ekwità, spjegat kif, “l-implimentazzjoni ġenwina titlob komunikazzjoni kontinwa ma’ kulħadd. Għalkemm il-bidla organizzattiva ma sseħħx malajr, din tibqa’ ssir b’mod gradwali u stabbli. Għadna ma wasalniex, dejjem hemm x’tirranġa, iżda għamilna progress sinifikanti matul is-snin. Din iċ-ċertifikazzjoni tipprovdi l-motivazzjoni li għandna bżonn biex nibqgħu navvanzaw flimkien bħala komunità universitarja.”

It-taħriġ huwa essenzjali għat-trawwim ta’ post tax-xogħol inklussiv. Aktar kmieni din is-sena, ġew imnedija sessjonijiet ta’ taħriġ imfassla apposta li jitrattaw l-ekwità, id-diversità u l-inklużjoni. Il-pjan huwa biex dawn is-sessjonijiet ikunu offruti kemm fuq livell dipartimentali fost l-impjegati, kif ukoll ikunu miftuħa għall-membri kollha tal-istaff. 

Barra minnhekk, is-seminars mal-fakultajiet huma inizjattiva kontinwa biex tinżamm il-komunikazzjoni u jiġi żgurat li kull fakultà tidentifika l-ħtiġijiet tagħha stess u timplimenta azzjonijiet ekwi bbażati fuq il-prijoritajiet speċifiċi tagħha.

Dawn l-inizjattivi huma msaħħin mill-politiki rispettivi. L-Università għandha Politika dwar il-Fastidju Sesswali, Politika dwar il-Fastidju u l-Ibbuljar, dokument li joffri gwida għall-prattika tajba fil-lingwaġġ inklussiv u l-Politika dwar l-Ekwità, id-Diversità u l-Inklużjoni.

Fl-aħħarnett din il-kisba ma kinitx tkun possibbli mingħajr l-appoġġ tat-tmexxija tal-Università. Setgħet isseħħ ukoll riżultat tal-isforz kontinwu u l-impenn tal-istaff amministrattiv u dak akkademiku, kif ukoll l-attiviżmu u s-sapport tal-Kunsill tal-Istudenti Universitarji. 

Din iċ-ċertifikazzjoni mill-NCPE ingħatat ukoll lill-Junior College waqt attività organizzata mill-NCPE stess nhar is-27 ta’ Gunju 2024 fejn ingħata ċ-ċertifikat lis-Sinjura Adela Degiorgio, Chair tal-Kumitat tad-Diversità fi ħdan il-Kulleġġ.

Ekonomija

Sport