Il-Maġistrat Astrid May Grima kkundannat lil Nathan Camilleri ta’ 24 sena 5 xhur ħabs kif ukoll multa ta’ €140 hekk kif aktar kmieni din il-ġimgħa nstab ħati li f’April li għadda kisser il-kameras tas-sigurtà li hemm mal-binja tal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali.
Iż-żagħżugħ ġie mixli u ta’ dan instab ħati li fit-13 ta’ April li għadda għamel vjolazzjoni kontra l-proprjetà u li meta wettaq dan ir-reat kien qed jgħix ħajja ta’ għażż u ta’ vagabundaġġ.
Camilleri ammetta li kien dawwar il-kameras tas-sigurtà għax ħaseb li kienu qegħdin hemm għal xejn. Waqt ix-xhieda tiegħu qal li kien għamel din il-ħsara għax ried imur il-ħabs biex ikollu fejn jorqod minħabba li fl-aħħar xhur ma kellux dar.
Hu qal li kien hemm ġranet li raqaf f’xi ġnien jew fuq xi bank. Kien hemm ġranet ukoll li raqad għand xi ħbieb tiegħu. Camilleri qal li kien ilu jfittex l-għajnuna, iżda ħadd ma jrid jgħinu.
Il-Maġistrat fis-sentenza tagħha ordnat lid-direttur tal-ħabs biex il-ħati jingħata l-għajnuna li għandu bżonn. Qalet ukoll li Camilleri għandu jingħata l-għajnuna biex wara li joħroġ mill-ħabs jingħata għajnuna biex isib impjieg u anke akkomodazzjoni.