Sunday, December 22, 2024

Kitba provokanti mal-ħajt taċ-ċella

Aqra wkoll

F’intervista li saret fuq ġurnal lokali ma’ eks-priġunier, jingħad illi dan allega trattament inuman fil-ħabs fosthom trasferimenti spissi minn ċella għall-oħra u li allegatament tpoġġa ma’ persuna li rriżultat pożittiva għall-Covid-19 għal ħamest ijiem sħaħ. Minkejja dawn l-allegazzjonijiet, dan iżda ċaħad li l-uffiċjali tal-ħabs qatt sawtuh jew refgħu jdejhom fuqu.

Sorsi qrib il-ħabs għaddewlna ritratti ta’ kitbiet offensivi allegatament mal-ħitan ta’ ċella, liema ċella allegatament għex għal xi żmien fiha. Ir-ritratti ta’ dawn il-kitbiet li qed nippubblikaw huwa mifhum li ttieħdu ftit jiem biss qabel ma l-Kurunell Alex Dalli nħatar bħala Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Kitbiet offensivi bħal dawn mhumiex tollerabbli mkien b’mod partikolari fil-ħabs.

F’dawn il-kitbiet jintqal dan il-kliem ta’ theddid: “Qed nistenna biex noħroġ ħa nġenninkom. Jien ala ż**** minnkom. Ja l***. Demm maqtugħ. Minn qalbi qed ngħidilkom vedikazzjoni stennewha. Inwegħdkom.”

L-istess sorsi sostnew magħna li allegatament il-persuna minn dejjem kienet problematika fil-ħabs. F’recording li xxandar fuq il-mezzi soċjali f’dawn l-aħħar jiem, l-eks priġunier ammetta li kien hu li għajjat u kellem b’mod aggressiv lil uffiċjal għoli tal-ħabs. Dan l-inċident intqal li seħħ fl-2019.

Irid jingħad ukoll però illi fil-maġġoranza tagħhom, il-priġunieri jikkoperaw u jġibu ruħhom sew mal-uffiċjali tal-ħabs.

Sadanittant, Talk.mt għandu wkoll ritratti oħra ta’ kitbiet mal-ħitan taċ-ċelel imma għażel li ma jippubblikahomx minħabba l-kontenut offensiv tagħhom.

Ta’ min jgħid li fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin teżisti sistema ta’ care-plans fejn il-priġunieri jistgħu jingħataw opportunità li jipprattikaw dak li jinteressahom.

F’kumment li tana s-Segretarju tat-Taqsima Korpi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u l-Infurzar tal-Liġi fi ħdan il-GWU Theo Vella qalilna li mhux ġust li l-Uffiċjali Korrettivi jiġu mogħtija timbru li huma xi ħaddiema vjolenti fil-konfront tal-priġunieri.

Huwa kkonfermalna li l-maġġoranza assoluta tal-priġunieri jġibu ruħhom tajjeb u jirrispettaw lill-uffiċjali, iżda jkun hemm xi wħud li jipprovokaw u jinsulentaw lill-uffiċjali wkoll, għalkemm kemm ilha li daħlet id-dixxiplina dawn is-sitwazzjonijiet naqsu ħafna. 

“Minkejja tali mġiba l-uffiċjali huma mħarrġa biex jibqgħu kalmi u jaqdu d-doveri tagħhom b’mod professjonali sabiex jikkontrollaw dawn is-sitwazzjonijiet mingħajr ma jirrikorru għall-vjolenza,” qalilna Vella. 

Ekonomija

Sport