Ritratti: ALAN SALIBA
12:15 p.m: Ftit ħin ilu bdiet tingħata l-aħħar tislima lill-Professur Oliver Friggieri b’korteo funebri li telaq mill-Isptar Mater Dei.
Il-korteo funebri waqaf l-Università ta’ Malta fejn għal ħafna snin huwa ħadem u għallem lil bosta nies.
Issa l-korteo funebri mistenni jgħaddi minn quddiem ir-residenza tal-Professur Friggieri u aktar tard jieqaf il-Furjana, raħal twelid il-Poeta u l-Kittieb.
Minn hemm il-korteo funebri jintemm il-Konkatidral ta’ San Ġwann fejn issir il-quddies konċelebrata mill-Arċisqof ta’ Malta.







2:00 p.m: F’kumment lill-istazzjon Nazzjonali, is-Sindku tal-Furjana Davina Sammut Hili qalet li fil-15 ta’ Diċembru se jkun hemm diskussjoni biex jaraw kif jistgħu jibqgħu jfakkru lill-Professur Friggieri.
Is-Sindku kkonfermat li hemm il-ħsieb li tissemma triq għal Oliver Friggieri kif ukoll. Qalet ukoll li hemm ukoll l-idea ta’ monument li jfakkar lill-Professur iżda dan kollu jista’ jiġi kkonfermat wara diskussjonijiet li se jkunu qed jiddeterminaw kif ikun l-aħjar li jibqa’ mfakkar il-bniedem li tant onora lill-Furjana kif ukoll lill-pajjiż sħiħ.

2.25 p.m: Minn hawn u ftit tal-minuti oħra, l-Arċisqof Charles J Scicluna se jkun qiegħed imexxi ċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa li se tkun qiegħda tagħti l-aħħar tislima lil dak li qed ikun deskritt bħala “l-Ġgant tal-letteratura Maltija” fost titli oħrajn li jixirqu lill-Professur Oliver Friggieri.






2:40 p.m: Fl-omelija tiegħu l-Arċisqof Charles J Scicluna beda bl-ironija li Oliver Friggieri kiteb “xi poeżija jew tnejn”. Filwaqt li qara versi minn Ħajku li Friggieri kiteb qal li n-nazzjon jinsab fi xkora ta’ sentimenti għall-mewt tal-bniedem li ħabb l-isem tal-omm li tagħtna isimha.
L-Arċisqof qal li Oliver kellu rispett kbir lejn ix-xadini u għalhekk kellu Polemika ma’ Charles Darwin li qal u pprova li l-bniedem evolva mix-xadini. Minkejja dan f’din id-daqqa li tweġġagħlek qalbek hemm ukoll umoriżmu li jerfgħak u li ma jweġġax.
Qal li l-Knisja f’Malta hija grata lejn Oliver għall-kitbiet ta’ għanjiet liturġiċi li nkantaw ta’ spiss u kkwota uħud mill-versi tal-istess Friggieri li fost l-oħrajn isemmi “il-mewt mhix it-tmiem iżda l-bidu ta’ ħajja oħra sabiħa bla dmugħ”.
F’tislima Personali l-Arċisqof sellem lill-Friggieri bil-versi:
“Ofroq is-sema griż li jibki x-xita;
Leħnek hekk kiebi għeb fid-dell tax-xitwa:
Iżda kitbietek ġwejda, għarfa ħelwa
Venvnet fil-qalb tal-Malti bl-għatx għall-ħajja!
Ersaq lejn id-dawl il-hena ta’ kenn sidek,
Ruħek tistrieħ fis-sliem, qalbek fil-hena.”