Sunday, December 29, 2024

Klassijiet ta’ reviżjoni tas-SEC għall-istudenti bi preparazzjoni għall-eżamijiet ta’ Settembru

Aqra wkoll

Għad-disa’ sena konsekuttiva reġgħu ħarġu l-applikazzjonijiet għall-Klassijiet ta’ Reviżjoni tas-SEC bla ħlas li jiġu organizzati permezz tal-Youth Guarantee Project iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea. Dawn il-klassijiet huma mmirati għall-istudenti li ser ikunu qed jagħmlu r-resits fil-Bijoloġija, l-Ingliż, il-Malti, il-Matematika u l-Fiżika f’Settembru li ġej.

Sa mill-bidu tiegħu fl-2014, il-Klassijiet Preventivi tas-SEC s’issa għenu lil aktar minn 5,000 student/a u taw riżultat favorevoli sena wara l-oħra. Permezz ta’ dan l-investiment l-istudenti qed ikunu assistiti u mħeġġa jkomplu l-esperjenza edukattiva tagħhom.

Il-klassijiet ser jibdew fil-25 ta’ Lulju u jibqgħu għaddejjin għal ħames ġimgħat sal-aħħar t’ Awwissu. Studenti bejn il-15 u l-24 sena li ġabu marka 6, 7, U jew li kienu mmarkati bħala assenti f’xi wieħed mill-ħames suġġetti ewlenin imsemmija hawn fuq, huma eliġibbli biex japplikaw għal dawn il-klassijiet.

L-istudenti jistgħu jattendu għal dawn il-klassijiet ‘online’ jew ġewwa wieħed miċ-ċentri (il-Mosta, Blata l-Bajda, Raħal Ġdid, u r-Rabat Għawdex) u jistgħu jagħżlu li jattendu għal massimu ta’ tliet suġġetti, li tinkludi l-għażla ta’ suġġett tax-xjenza (Bijoloġija jew Fiżika).

L-istudenti jistgħu japplikaw online billi jżuru s-sit www.jobsplus.gov.mt/revisionclasses. L-applikazzjoni ser tibqa’ miftuħa sat-Tlieta 19 ta’ Lulju 2022.

Għall-iktar informazzjoni dwar Klassijiet ta’ Revizjoni tas-SEC tal-Youth Guarantee wieħed jista’ jċempel fuq 22201164 / 1136 / 1161 or 1162, iżur is-sit www.jobsplus.gov.mt/revisionclasses jew iżur il-paġna Facebook – Youth Guarantee Malta.

Meta japplikaw għall-Klassijiet ta’ Reviżjoni, l-istudenti mhumiex qed japplikaw awtomatikament għall-eżami tar-resit. Għalhekk, wieħed irid japplika wkoll għar-resit mal-MATSEC.

Il-proġett huwa parzjalment iffinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew, Ninvestu fil-kapital uman biex jinħolqu aktar opportunitajiet u nippromwovu l-benesseri tas-soċjetà.

Ekonomija

Sport