Saturday, December 21, 2024

Klassijiet ta’ reviżjoni tas-SEC (O-levels) għall-istudenti bi preparament għall-eżamijiet li ser isiru f’Settembru 2020

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej nieda l-inizjattiva bla ħlas ta’ klassijiet ta’ reviżjoni tas-SEC taħt il-Youth Guarantee Project, iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea għas-seba’ sena konsekuttiva. Din l-inizjattiva, li hija mmexxija minn Jobsplus, hija mmirata għall-istudenti li se jkunu qed jagħmlu l-eżamijiet tal-O-levels f’Settembru fil-Bijoloġija, fl-Ingliż, fil-Malti, fil-Matematika u fil-Fiżika.

Il-klassijiet se jibqgħu għaddejjin għal ħames ġimgħat f’ċentri fir-Rabat Għawdex, fil-Mosta, f’Pembroke, f’Ħal Kirkop u f’Raħal Ġdid u se jsiru mis-27 ta’ Lulju sal-aħħar ta’ Awwissu. Studenti ta’ etajiet bejn il-15 u l-24 sena li ser jagħmlu l-eżamijiet fis-suġġetti msemmija, kemm f’Paper A u kemm f’Paper B, huma eliġibbli biex japplikaw għal dawn il-klassijiet. L-istudenti jistgħu jagħżlu li jieħdu klassijiet f’massimu ta’ tliet suġġetti.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici semma li l-istudenti llum irċevew ir-riżultat tal-assessjar tas-SEC. Dr Bonnici qal, “Nifraħ lil dawk kollha li marru tajjeb imma fl-istess ħin irrid ninkoraġġixxi lil dawk li ma laħqux it-tragward mixtieq sabiex ma jaqtgħux qalbhom. Fil-fatt għadhom kif fetħu l-applikazzjonijiet għall-klassijiet ta’ reviżjoni bla ħlas, bi preparazzjoni għall-eżamijiet tas-SEC f’livell ordinarju li ser isiru f’Settembru li ġej. Il-lezzjonijiet ser jibdew fl-aħħar ta’ Lulju u ser isiru filgħodu f’diversi skejjel mifruxa madwar il-pajjiż.”

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li din is-sena dawn il-klassijiet se jkunu aktar ta’ bżonn minn snin oħra. Is-segretarju parlamentari saħaq li għall-ewwel darba dawn il-klassijiet se jiftħu wkoll għal dawk l-istudenti li jixtiequ jagħtu Karta A (Paper A), hekk kif fi snin ta’ qabel kienu jiftħu biss għal dawk li se jagħtu Karta B (Paper B), fis-suġġetti msemmija. Dr Zrinzo Azzopardi kkonkluda li permezz ta’ fondi Ewropej qed ninvestu aktar fiż-żgħażagħ tagħna li huma l-preżent u l-futur tas-soċjetà, biex insaħħu kemm l-industrija tax-xogħol u l-ekonomija filwaqt li nassiguraw li jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.

Sa mill-bidu tagħhom fl-2014, il-klassijiet ta’ reviżjoni tas-SEC assistew lil aktar minn 4,000 student u taw riżultat favorevoli sena wara sena. Mill-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020 li pprovda għall-kontinwazzjoni tal-Youth Guarantee – Youth Guarantee 2.0, ġew allokati miljun ewro oħra għal aktar investiment fil-kapital uman biex jinħolqu aktar opportunitajiet u jiġu promossi l-benesseri tas-soċjetà.

L-istudenti jistgħu japplikaw online billi jżuru www.education.gov.mt/revision sat-Tnejn 20 ta’ Lulju 2020, sal-għaxra ta’ filgħodu.

Għal iktar informazzjoni dwar il-klassijiet ta’ reviżjoni tas-SEC wieħed jista’ jċempel fuq 2598 1161 / 2598 1162 / 2598 1164 jew 2598 2828/ 2598 2829 jew iżur il-paġna ta’ Facebook – ‘Youth Guarantee Malta’.

Ekonomija

Sport