Friday, November 15, 2024

Klassijiet ta’ reviżjoni tas-SEC (O-levels) għall-istudenti bi preparament għall-eżamijiet li ser isiru f’Settembru 2020

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej nedew l-inizjattiva bla ħlas ta’ klassijiet ta’ revizjoni tas-SEC taħt il-Youth Guarantee Project, finanzjat mill-Unjoni Ewropea għas-seba’ sena konsekuttiva. Din l-inizjattiva, li hija mmexxa minn Jobsplus, hija mmirata għall-istudenti li se jkunu qed jagħmlu l-eżamijiet tal-O-levels f’Settembru fil-Bioloġija, l-Ingliż, il-Malti, il-Matematika u l-Fiżika.

Il-klassijiet se jibqgħu għaddejjin għal ħames ġimgħat f’ċentri fir-Rabat Għawdex, il-Mosta, Pembroke, Kirkop u Raħal Ġdid u se jsiru mill-27 ta’ Lulju sal-aħħar ta’ Awissu. Studenti ta’ etajiet bejn il-15 u l-24 sena li ser jagħmlu l-eżamijiet fis-suġġetti msemmijja, kemm f’paper A u kemm paper B huma eliġibbli biex japplikaw għal dawn il-klassijiet. L-istudenti jistgħu jagħżlu li jieħdu klassijiet f’massimu ta’ tliet suġġetti.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici semma li l-istudenti rċievew illum ir-riżultat tal-assessjar tas-SEC. Dr Bonnici qal: “Nifraħ lil dawk kollha li marru tajjeb, imma fl-istess ħin irrid ninkoraġġixxi lil dawk li ma laħqux it-tragward mixtieq sabiex ma jaqtgħux qalbhom. Filfatt għadhom kif fetħu l-applikazjonijiet għall-klassijiet ta’ reviżjoni bla ħlas, bi preparazzjoni għall-eżamijiet tas-SEC f’livell ordinarju li ser isiru f’Settembru li ġej. Il-lezzjonijiet ser jibdew fl-aħħar ta’ Lulju u ser isiru filgħodu, f’diversi skejjel mifruxa madwar il-pajjiż.”

Is-Segretarju Parlamentari Dr Stefan Zrinzo Azzopardi qal li din is-sena dawn il-klassijiet se jkunu aktar ta’ bżonn minn snin ohra. Is-Segretarju Parlamentari saħaq li għall-ewwel darba dawn il-klassijiet se jiftħu wkoll għal dawk l-istudenti li jixtiequ jagħtu Karta A (Paper A), hekk kif fi snin ta’ qabel kienu jiftħu biss għal dawk li se jagħtu Karta B (Paper B), fis-suġġetti msemmija. Dr Zrinzo Azzopardi ikkonkluda billi qal li permezz ta’ Fondi Ewropej qed ninvestu aktar fiż-żgħażagħ tagħna li huma l-preżent u l-futur tas-soċjetà biex insaħħu kemm l-industrija tax-xogħol u l-ekonomija, filwaqt li nassiguraw li jkollhom kwalita ta’ ħajja aħjar.

Sa mill-bidu tagħhom fl-2014, il-klassijiet ta’ reviżjoni tas-SEC assistew lil aktar minn 4000 student u taw riżultat favorevoli sena wara sena. Mill-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020 li pprovda għall-kontinwazzjoni tal-Youth Guarantee – Youth Guarantee 2.0, ġew allokati miljun ewro oħra għal aktar investiment fil-kapital uman biex jinħolqu aktar opportunitajiet u jiġu promossi l-benesseri tas-soċjetà.

L-istudenti jistgħu japplikaw online billi jżuru www.education.gov.mt/revision sat-Tnejn 20 ta’ Lulju 2020, sa l-għaxra ta’ filgħodu.

Għal iktar informazzjoni dwar il-klassijiet ta’ reviżjoni tas-SEC wieħed jista’ jċempel fuq 2598 1161 / 2598 1162 / 2598 1164 jew 2598 2828/ 2598 2829, jew iżur il-paġna ta’ Facebook – ‘Youth Guarantee Malta’.

Ekonomija

Sport