Friday, November 22, 2024

Klassijiet tar-reviżjoni għas-SEC

Aqra wkoll

“Hekk kif faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19, mall-ewwel ridna naraw li fuq qudiem nett, l-istudent ma jispiċċax vittma ta’ sitwazzjoni li ħadd ma kellu kontroll fuqha. Ingħaqadna flimkien dawk kollha involuti u ħdima biex niffaċilitaw il-ħajja tal-istudent f’dan il-perjodu diffiċli li għaddejna minnu”.

Dan kien il-kumment immedjat li tana l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici meta staqsejnieħ dwar x’hemm indirizzat għall-istudenti bħala preparazzjoni għall-eżamijiet tas-SEC fil-livell ordinarju li se jsiru f’Settembru li ġej.

Ix-xogħol kbir li sar mill-Ministeru għall-Edukazzjoni f’dik li hija informazzjoni tat-teknoloġija hawnhekk ukoll se tilgħab parti importanti.

Biex dawn l-istudenti jippreparaw ruħhom tajjeb, se jkun hemm dawk li jissejħu Klassijiet tar-Reviżjoni tas-SEC (SEC Revision Classes). Dawn huma organizzati għaż-żgħażagħ ta’ bejn il-15 u l-24 sena u li se joqgħdu għall-eżamijiet tas-SEC f’Settembru (Livell Ordinarju) f’dawn is-suġġetti: l-Bijoloġija, l-Fiżika, l-Matematika, l-Malti u l-Ingliż.

Għal din is-sena, dawn l-istudenti se jingħataw: aċċess għal sensiela ta’ video clips edukattivi onlajn li jkopru s-sillabu tas-suġġett magħzul flimkien ma’ aċċess għal materjal ieħor edukattiv, fosthom quizzes. Se jkollhom ukoll sessjonijiet live darbtejn fil-gimgħa ma’ għalliema professjonali li matulhom l-istudenti jkunu jistgħu jistaqsu u jiddiskutu xi diffikultajiet li jkollhom. L-istudenti jkunu jistgħu jsegwu dan it-taħrig b’mod faċli u sigur mill-kumdità ta’ darhom.

Tajjeb li jingħad li dawn is-sessjonijiet imsemmija huma bla ħlas – jiġifieri l-istudent se jkun offrut din l-għajnuna b’xejn. Jistgħu japplikaw għalihom żgħażagħ ta’ bejn il-15 u l-24 sena li se jagħmlu l-eżamijiet tas-SEC f’Settembru (Livell Ordinarju) f’dawn is-suġġetti: l-Bijoloġija, l-Fiżika, l-Matematika, l-Malti u l-Ingliż.

Il-Ministru Bonnici qed iħeġġeġ li dawk li huma interessati għandhom japplikaw mall-ewwel kif jinfetħu l-applikazzjonijiet għaliex l-applikazzjonijiet se jintlaqgħu fuq bażi ta’ first come first served. Studenti li ma jgħaddux mill-assessment li se jingħata minn MATSEC se jingħataw preferenza.

La jiġu ppubblikati r-riżultati tal-assessment, l-istudenti konċernati se jirċievu SMS mill-MATSEC li jinfurmahom li l-applikazzjoni onlajn hija disponibbli, u b’hekk dawn ikunu jistgħu japplikaw għall-Klassijiet ta’ Reviżjoni tas-SEC. Biex ikun ukoll aktar faċli għall-istudenti, l-link li twassalhom għall-applikazzjoni onlajn se tiġi ppubblikata fuq is-sit u l-paġna ta’ Facebookta’ Youth Guarantee Malta, u b’hekk l-istudenti jkunu miżmuma aġġornati.

Meta student jasal biex japplika għal dawn il-klassijiet ta’ reviżjoni, jrid iżomm f’moħħu li jista’ jagħżel sa tliet suġġetti, li jinkludu għażla ta’ suġġett wieħed ta’ xjenza, apparti l-Matematika, l-Bijoloġija jew il-Fiżika.

Il-klassijiet se jsiru fuq medda ta’ ħames ġimgħat, mill-aħħar ta’ Lulju sal-aħħar t’Awwissu – u l-istudenti jistghu jsegwu dan it-tahrig mill-kumdita’ ta’ darhom.

Il-Ministru Bonnici qalilna li dawn il-klassijiet tar-reviżjoni huma storja ta’ suċċess, “Mill-2014, għenna lil aktar minn 4,000 student u studenta biex jippreparaw ruħhom aħjar għall-eżamijiet tas-SEC fil-livell ordinarju, billi qed nipprovdulhom opportunità imprezzabbli għas-suċċess tagħhom fl-edukazzjoni.”

Aktar informazzjoni dwar is-SEC Revision Classes, tinstab fil-paġna ta’ Facebook – Youth Guarantee Malta jew tista’ tintbgħatemail fuq [email protected].

Sport