Tuesday, February 4, 2025

Klawsoli inġusti f’kuntratti ta’ bejgħ

Aqra wkoll

Xi drabi, meta konsumatur jixtri jew jordna prodott jew servizz jiġi mitlub jiffirma kuntratt ta’ bejgħ. Dawn it-tip ta’ kuntratti normalment ikunu jinkludu d-drittijiet u l-obbligi tal-konsumatur u tal-bejjiegħ. Ħafna minn dawn il-kuntratti jkunu standard u lesti biex jiġu ffirmati mill-konsumatur hekk kif jiġi konkluż il-ftehim tax-xiri. Il-konsumaturi għandom tendenza li jaqbdu u jiffirmaw u jaqblu mat-termini kollha inklużi fil-kuntratt mingħajr ma jieħdu ħin adegwat jaqraw għal x’hiex qed jiffirmaw. 

Informazzjoni importanti li konsumatur għandu jiċċekkja li ġiet inkluża fil-kuntratt qabel jiffirma hija deskrizzjoni dettaljata tal-oġġett jew servizz mixtri, id-data tal-kunsinna, il-prezz finali maqbul, kif ser isir il-ħlas, x’jiġri f’każ li jiġi kkanċellat ix-xiri, u fejn applikabbli, informazzjoni dwar il-garanzija.

Sfortunatament, xi drabi, dawn il-kuntratti ta’ bejgħ ikunu jinkludu kundizzjonijiet inġusti li joħolqu żbilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet, għad-detriment tal-konsumatur. Fi kliem ieħor, termini inġusti jistgħu jippruvaw inaqqsu d-drittijiet legali tal-konsumaturi. Tali termini u prattiki huma pprojbiti mill-liġijiet tal-konsumatur. 

L-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur jelenka diversi termini li huma meqjusa inġusti, u dawn jinkludu klawsoli li jipprevjenu lill-konsumaturi milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom meta l-bejjiegħ jonqos mill-obbligi tiegħu. Eżempji oħra ta’ termini kuntrattwali inġusti jinkludu: esklużjoni tar-responsabbiltà tal-bejjiegħ għal kull eventwalità possibbli; termini li jagħtu żmien qasir lill-konsumatur biex javża lill-bejjiegħ b’xi difetti; termini li jippermettu lill-kummerċjant iżomm ħlasijiet magħmula mill-konsumatur f’każ ta’ kanċellament tal-kuntratt, imma fl-istess ħin jiċħdu lill-konsumatur id-dritt li jfittex kumpens jekk il-bejjiegħ iħassar il-kuntratt tax-xiri. Barra minn hekk, huwa meqjus inġust li konsumaturi li ma jonorawx il-ftehim tax-xiri jiġu mġegħla jħallsu somma ta’ flus sproporzjonata bħala kumpens meta mqabbel mal-valur tal-oġġetti jew is-servizzi mixtrija. Il-bejjiegħa huma wkoll ipprojbiti milli jinfurzaw termini kuntrattwali li jippermettulhom jibdlu b’mod sinifikanti l-ftehim ta’ bejgħ mingħajr ma jippermettu lill-konsumaturi jirtiraw mill-kuntratt. Bl-istess mod huwa pprojbit li bejjiegħ jorbot konsumatur b’termini li ma kellux opportunità li jaqra qabel il-konklużjoni tal-kuntratt. Fil-fatt il-konsumaturi għandhom dritt li jiġu pprovduti b’kopja tat-termini u kundizzjonijiet tal-kuntratt qabel u wara li jiġi konkluż il-bejgħ. F’każ ta’ kuntratti b’terminu fiss, il-bejjiegħa ma jistgħux jestendu l-kuntratt awtomatikament jekk il-konsumatur ma jindikax mod ieħor qabel jiskadi l-kuntratt. 

Il-liġi tal-konsumatur tipproteġi lill-konsumaturi minn termini inġusti billi tagħmilhom nulli u bla effett. Dan ifisser li, anke jekk konsumatur jiffirma u jaqbel ma’ terminu inġust, dan ma jistax jiġi infurzat legalment. Barra minn hekk, il-liġi tistipula li t-termini fil-kuntratti tal-bejgħ għandhom ikunu miktuba b’mod ċar u li jinfthiemu faċilment mill-konsumaturi. F’każijiet fejn it-tifsira ta’ terminu tkun ambigwa, il-liġi tgħid li l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli għall-konsumatur tipprevali. 

Jekk kuntratt ta’ xiri jkun fih klawsola inġusta, din il-klawsola ma tkunx infurzabbli, iżda l-kuntratt xorta jibqa’ validu. Dan ifisser li l-bqija tal-kuntratt jbqa fis-seħħ, iżda t-terminu inġust jitlef l-effettività tiegħu. Madankollu, jekk il-kuntratt ma jistax jiffunzjona mingħajr it-terminu inġust, il-kuntratt kollu jsir invalidu. 

Minkejja din il-protezzjoni legali, il-konsumaturi huma xorta mħeġġa jaqraw bir-reqqa l-kuntratt tax-xiri qabel jiffirmawh. Huwa essenzjali li jivverifikaw li dak li ġie mifthiem verbalment mal-bejjiegħ ġie inkluż fil-kuntatt. Għaldaqstant, minkejja t-tentazzjoni li wieħed jaqbad u jiffirma fuq il-linja bit-tikek, meta konsumatur jaqra u jifhem dak li se jiffirma għalih tista’ tgħinu jinduna b’xi diskrepenza mill-ftehim verbali u anke jiċċara kwalunwke termini ambigwi. F’każ li l-kuntratt jiġi emendat, huwa importanti li l-emendi jiġu iffirmati u datati mir-rappreżentant tal-kumpanija. 

F’każijiet fejn il-konsumaturi jsibu rwieħom f’nuqqas ta’ qbil ma bejjiegħ dwar termini kuntrattwali inġusti, jistgħu jitolbu  l-għajnuna tal-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-MCCAA. Dan l-uffiċċju jista’ jiġi kkuntattjat permezz tal-formola ta’ kuntatt fuq il-websajt tal-MCCAA: www.mccaa.org.mt, bit-telefown fuq: 23952000, jew billi jintbgħat messaġġ fuq il-paġna tal-Facebook tal-MCCAA – @MCCAA.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport