Li tgħid li l-mediċini ġeneriċi huma inferjuri tmur kontra dak li tgħid l-Awtorità Maltija tal-Mediċini, kontra s-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika u l-awtoritajiet tas-saħħa reputabbli kollha madwar id-dinja
Il-Partit Laburista jikkundanna bil-qawwa kollha l-kummenti tal-Kap Nazzjonalista Alex Borg li lbieraħ f’Għawdex, ipprova jagħti l-impressjoni li l-mediċini ġeneriċi huma ta’ kwalità inferjuri minn mediċini oħrajn.
Il-falsità tal-Kap tal-Oppożizzjoni saħansitra ġabet l-istmerrija tal-Awtorità Maltija tal-Mediċini u tas-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika, li fi stqarrija konġunta, ikkonfermaw dak li qal il-Ministru tas-Saħħa Jo Etienne Abela fil-Parlament, li l-mediċini ġeneriċi għandhom l-istess sustanzi bħal mediċini li diġà kienu awtorizzati u li huma manifatturati skond l-istess standards ta’ kwalità bħall-mediċini oħra.
B’reazzjoni għad-dikjarazzjoni tal-Kap Nazzjonalista, il-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela qal li l-Kap Nazzjonalista pprova jinqeda b’narrattiva qarrieqa li tista’ twassal biex timmina l-fiduċja tal-poplu fis-saħħa pubblika u li tagħmel ħsara lill-pazjenti.
Il-Partit Laburista jinnota li għall-kuntrarju ta’ dak li pprova jagħti x’jifhem Alex Borg, il-mediċini ġeneriċi huma effikaċi u manifatturati skond ir-regoli u l-protokolli stabbiliti u huma wżati b’mod mifrux fl-akbar pajjiżi tad-dinja, inkluż fl-Amerika, fil-Ġermanja u fir-Renju Unit.
Il-Partit Laburista jisħaq li l-Kap Nazzjonalista fid-dover li jirtira dan it-tip ta’ diskors li jmur lil hinn minn kull pożizzjoni ta’ entitajiet jew persuni reputabbli u li jista’ jqajjem dubji fejn ix-xjenza tgħid li m’hemmx, għad-detriment tal-pazjenti Maltin u Għawdxin.