Sunday, November 24, 2024

KLIEM ĠENWIN DWAR IR-RELAZZJONIJIET REDIKOLAT B’IRRESPONSABBILTÀ

Aqra wkoll

Li persuna tgħix waħedha m’hijiex karatteristika tal-bniedem. Hija fl-istint uman li persuna tfittex li jkollha l-kumpanija ta’ nies oħra. Minkejja dan, issib min jgħidlek li jippreferi li jgħix waħdu mingħajr ma jkollu dak is-sens ta’ rbit. Fl-aħħar mill-aħħar iżda, dak li jkun xi darba jew oħra, fi stadji varji fil-ħajja tiegħu jkollu jdur fuq xi ħadd li verament jafda biex jaqsam ħsibijietu. Uħud mir-relazzjonijiet jibdew proprju minn dak il-mument. 

Kliem meqjus u riċerkat tas-sesswologu Matthew Bartolo fl-aħħar ġimgħat xegħel dawl fuq l-importanza li f’relazzjoni jkun hemm dik il-ġibda li ma tiġix ibbażata biss fuq is-sess u l-penetrazzjoni. Nemmnu li hija rresponsabbiltà kbira li qarrejja waslu fi stadju li jitkellmu b’mod dispreġjattiv fil-konfront tas-sesswologu minħabba l-fatt li qal li ħarsa jew kelma wkoll jistgħu jistimolaw relazzjoni sesswali. Hija ħasra li bniedem daqstant professjonali, li ddedika l-karriera tiegħu jistudja dan is-suġġett li fil-fehma tagħna għad baqa’ ħafna xi jsir dwaru biex is-soċjetà inġenerali tkun aktar mgħarrfa, jispiċċa fil-mira ta’ attakki anki personali. Huwa fatt kundannabbli li jkollok min jipprova jgħaddi kummenti li waqgħu personali u ppruvaw jirredikolaw ir-relazzjoni sesswali tiegħu b’allegazzjonijiet intenzjonati biex jiġrbu l-likes.

Il-ħajja llum mhix dik ta’ 15 jew 20 sena ilu meta t-telekomunikazzjoni elettronika kienet għadha lura ħafna. Nammettu jew le, illum b’sempliċiment erba’ buttuni fuq keyboard nistgħu nsibu persuna li stajna konna miġbudin lejha lura fis-snin. Persuna li forsi konna miġbudin lejha imma qatt ma kellna ċ-ċans qabel biex nesprimu ruħna. Dan jista’ jkun interpretat minn bosta bħala vantaġġ mingħajr ma jqisu l-wiċċ l-ieħor tal-munita. Minkejja li qabel dawn il-mezzi, argument bejn żewġ persuni kien jiġi diskuss bit-tama li tinstab soluzzjoni, illum għandek l-għażla l-oħra li hija tentazzjoni perikoluża li xi ħadd mit-tnejn jagħżel li jċedi l-armi u jfittex għażla oħra, anke bil-moħbi. 

Nemmnu li hawnhekk jidħol dak li kien qiegħed jirreferi għalih Bartolo. Teżisti tendenza li f’mumenti diffiċli f’relazzjoni, qalb ċertu diżgwit li jista’ jinqala, persuna tista’ tagħżel li tfittex soluzzjoni li tista’ tidher faċli ta’ kif tissodisfa l-ħajja sesswali tagħha. Jista’ jagħti l-każ li relazzjoni bejn tnejn tibda tmajna anke f’mumenti diffiċli. Minbarra t-tendenza li dik il-ġibda fil-bidu tar-relazzjoni tibda tmajna minħabba raġunijiet varji, jista’ jkollok fatturi oħra bħalma huma tibdil fl-apparenza, forsi mhux għax dak ikun irid, iżda anke minħabba raġunijiet li l-persuna ma jkollhiex kontroll fuqhom. Nitkellmu fost l-oħrajn dwar kundizzjonijiet ta’ saħħa li jistgħu jikkawżaw bidliet fl-apparenza ta’ persuna u b’hekk ma tibqax daqstant attraenti. Dan jikkawża nuqqas ta’ fiduċja fiha nnifisha u jista’ f’ċertu każi jnaqqas il-ġibda lejha tal-persuna l-oħra f’relazzjoni. Nemmnu li kien għal dawn is-sitwazzjoni li Bartolo saħaq dwar l-importanza ta’ kelma jew ħarsa li jistgħu jistimolaw ir-relazzjoni u mhux għall-fatt ta’ kummenti li miżinterpretawh u qalu li l-persuna f’relazzjoni impossibbli tissodisfaha b’dan il-mod biss. 

Infatti kieku dak li jkun qabel infexx jikkummenta kien jaqra l-bqija tal-ħsibijiet ta’ Bartolo kien jara li għalih huwa kruċjali li koppja tkun sesswalment attiva f’ħajja miżżewġa għax tibqa’ dik l-armonija bejniethom u saħansitra jsemmi l-bżonn ta’ djalogu bejn il-persuni biex jaraw li jsibu l-kuntentizza t-tnejn li huma.

Dan huwa suġġett delikat u pjuttost vast u nemmnu li minn dak li tasal tara f’ċertu kummenti, minkejja li l-għarfien żdied, sfortunatament għad baqa’ l-bżonn li tiżdied l-edukazzjoni. Il-fatt li titkellem ma’ koppja anzjani u tissaħħar dwar kif dawn solvew il-problemi fir-relazzjoni tagħhom matul is-snin f’perjodi kbar ta’ sfidi, inkluż il-gwerra, għandha ddoqqilna qanpiena li r-relazzjoni bejn tnejn min-nies mhijiex biss xi ħaġa taċ-ċrieket u ċ-ċerimonji. Fl-istess waqt, bħal dejjem, tajjeb li dak li jkun qabel jikteb ċertu kummenti, jaħseb ftit jekk b’dak li jkun se jgħid huwiex se jikkontribwixxi f’diskussjoni, jew sempliċiment jirredikola lil min jixtieq jeduka u fl-aħħar mill-aħħar l-intelliġenza tiegħu.

Sport