Friday, November 15, 2024

“KMB żera’ żerriegħa importanti li ratna nimxu ’l quddiem bħala pajjiż”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Parlament Malti dalgħodu fakkar u għadda l-kondoljanzi tiegħu għat-telfa tal-eks Membru Parlamenti u eks Prim Ministru ta’ Malta, Karmenu Mifsud Bonnici fejn mhux biss tkellmu ż-żewġ mexxejja ewlenin tal-partit politiċi, iżda anke membri parlamentari qraba tiegħu, kif ukoll dawk li ħadmu viċin tiegħu fosthom eks studenti tal-liġi. Deskritt minn kulħadd bħala bniedem onest, intelliġenti u ta’ qalb kbira speċjalment favur il-ħaddiema u fil-konfront ta’ min huwa fil-bżonn, Karmenu Mifsud Bonnici għall-Prim Ministru preżenti, Robert Abela, kien il-bniedem, l-avukat, it-tredunjonista u l-politiku bi prinċipji li għex b’determinazzjoni mhux biss meta kien fit-tmun tal-pajjiż, iżda anke f’kull sfera ta’ ħajtu.

“Kburi u onorat ħafna li Karmenu Mifsud Bonnici kien wieħed mill-mexxejja tal-PL ta’ qabli. Ħadem bħala Prim Ministru ta’ dan il-pajjiż f’perjodu li ma kienx faċli għax kien hemm sfidi miż-żewġ naħat fl-ispettru politiku. Daħal u għażel li jimmilita fil-Partit Laburista għad-drittijiet tal-ħaddiema. Fil-mumenti li mexxa lil dan il-pajjiż, Karmenu Mifsud Bonnici għaraf kif imexxi u żera’ żerriegħa importanti li ratna nimxu ‘l quddiem bħala pajjiż,” stqarr Abela. 

Fl-intervent tiegħu l-Prim Ministru preżenti qal li lil Karmenu hemm min sar jafu għar-rwol politiku tiegħu u min sar jafu fil-qasam tal-avukatura “fejn kien bniedem assidwu li libes il-kappell u ġab id-dekor”. Robert Abela qal li Karmenu Mifsud Bonnici kien bniedem li kellu mħabba kbira lejn il-ħaddiem li x-xewqa tiegħu kienet dik li kull ħaddiem jimxi fejn żied jgħid li, “kien persuna li għader u sema’ lil kulħadd u bħala avukat kien bniedem bravu ħafna u esperti fil-liġi industrijali. Kien avversarju inkredibbli u fit-tribunal kien dejjem jiġġieled favur il-ħaddiem. Mhux biss kien jaħdem pro bono (bla ħlas) imma kien jgħin finanzjarjament lil kull min kien ikollu bżonn tal-għajnuna tiegħu. Mill-kappell li kellu kien isellem u jgħin lil kulħadd”.

Il-Prim Ministru qal li Karmenu baqa’ jidħol fil-Qorti sakemm ippermettielu saħtu u fakkar is-snin twal li fihom ta servizz bla ħlas lill-General Workers’ Union (GWU), li hawn ukoll kien magħruf għall-fatt li qatt ma ħa ħlas għax-xogħol li kien jagħmel. 

Robert Abela semma’ wkoll l-emendi importanti li daħlu fil-Kostituzzjoni tagħna li jitkellmu dwar il-“prinċipju bażilari” li min iġib l-aktar voti, għandu jmexxi l-pajjiż. Dan it-tibdil li sar taħt it-tmexxija ta’ Karmenu Mifsud Bonnici, qal Abela, “ġab stabbiltà politika li minnha bbenefika l-pajjiż kollu. Fl-ewwel messaġġ lin-nazzjon huwa kien esprima twemmin soċjalist imma ried soċjaliżmu uman, ħanin u demokratiku. Dan il-prinċipju żammu u għexu kontinwament tul ħajtu”.

Ekonomija

Sport