Minn Cristian Muscat
San Ġiljan …….. 13
Sliema………….. 10
(4-5, 3-1, 2-1, 4-3)
F’partita mill-aktar emozzjonanti u akkanita mill-bidu sat-tmiem, bla dunju waħda mill-isbaħ f’dan l-istaġun sa issa, San Ġiljan għelbu l-isfida ta’ Sliema bl-iskor ta’ 13-10.
B’hekk fis-semi-finali li se tkun qed tintlagħab fis-27 ta’ Lulju, is-Saints se jkunu qed jaffrontaw lil Sirens bit-team minn San Pawl il-Baħar, jikseb dan il-post b’mod awtomatiku.
Għall-Ġiljaniżi spikka ferm il-player Ben Plumptin li rreġistra poker personali. Min-naħa l-oħra, l-aqwa skorer għal Sliema kien il-player Dino Zammit li kien qed jilgħab proprju kontra l-ex team tiegħu u skorja tliet goals.
Rimarkabbli huwa l-fatt li din kienet it-tielet telfa għal Sliema matul dan l-istaġun kontra avversarji diretti, tnejn kontra San Ġiljan – waħda fil-kampjonat u wahda fin-Knock-out u oħra kontra Neptsunes fil-kampjonat. Min-naħa l-oħra, San Ġiljan komplew jikkonfermaw il-qawwa tagħhom, fejn wara t-telfa ta’ 10-7 kontra Neptunes fil-kampjonat għamlu stqarrija ċara li se jkunu fost l-isfidanti ewlenin għar-rebħ tal-unuri fi tmiem l-istaġun.
L-ewwel sessjoni ipproduċiet xejn inqas minn disa’ goals, bis-Slimiżi jkunu huma li joħorġu rebbieħa bl-iskor ta’ 5-4, bil-goals għalihom jaslu minn Liam Galea (2), Dino Zammit (2) u Mark Meli. Dan sabiex Peter Borg (2), Nicholas Bugelli u Nikolai Zammit wieġbu għall-Ġilajniżi.
Iżda San Ġiljan immexxija mill-coach Zeljko Kovacic ma rmewx ix-xugaman anzi wettqu reazzjoni tajba u rebħu t-tieni sessjoni b’punteġġ ta’ 3-1 bl-iskorers għalihom ikunu Ben Plumpton u Jake Bonavia (2). John Brownrigg skorja l-uniku goal għas-Slimiżi.
Is-Saints komplew jiddominaw u rebħu t-tielet sessjoni bl-skor ta’ 2-1, fejn għalihom irnexxielhom iniżżlu isimhom fuq il-lista tal-iskorers Ben Plumpton u Andreas Galea. Zach Mizzi skorja l-goal waħdani għal Sliema.
Ir-raba’ u l-aħħar sessjoni kienet mimlija drama fejn wara tliet minuti tkeċċew minn fuq il-bank, il-coach Zeljko Kovaccic u t-team managaer Silvio Borg wara xi rimarki li għaddew fil-konfront tar-referee Taljan Carmine Buonpensiero.
San Ġiljan rebħu din is-sessjoni bl-iskor ta’ 4-3, bil-goals għall-Ġiljaniżi jaslu minn Ben Plumpton (2) u Andreas Galea (2) bit-tieni goal għalih jasal minn penalty. Zach Mizzi, Dino Zammit u Jayden Cutajar wieġbu għas-Slimiżi.
Ta’ nota huwa l-fatt li fil-bidu ta’ din is-sessjoni, San Ġiljan, fallew penalty hekk kif l-iskorer prolifiku tagħhom Nikolai Zammit kellu t-tentattiv tiegħu minn distanza ta’ ħames metri jistampa mal-mimduda.
San Ġiljan: 1-Jake Tanti, 2-Peter Borg (2), 3-Andreas Galea (3), 4-Nico Schiavone, 5-Russell Caruana, 6-Matthew Zammit, 7-Ben Plumpton (4), 8-Daniel Tully, 9-Jake Bonavia (2), 10-Nikolai Zammit (1), 11-Darren Zammit, 12-Nicholas Bugelli (1), 13-Gareth Vassallo, 14-Mattias Ortoleva, 15-Nathan Bonavia Coach: Zeljko Kovacic
Sliema: 1-Nicky Grixti, 2-Matthew Mifsud, 3-Liam Galea (2), 4-Daniel Rizzo (1), 5-Mark Meli (1), 6-Benji Cachia, 7-Jayden Cutajar (1), 8-Kieyan Borg, 9-John Brownrigg (1), 10-Jamie Gambin, 11-Zach Mizzi (1), 12-Dino Zammit (3), 13-André Theuma Coach: Beto Fernandez
Referees: Carmine Buonpensiero, Massimo Angileri