Saturday, December 21, 2024

Koalizzjoni ta’ NGOs bi protesta sit-down kontra d-deċiżjoni tal-Gvern dwar il-Miżieb u l-Aħrax

Aqra wkoll

Spazji Miftuħa, koalizzjoni ta’ aktar minn 60 NGO u għaqdiet, se torganizza sit-down protest bid-distanza soċjali quddiem l-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja.

Il-protesta se tkun qed tiżvolġi nhar is-Sibt 31 ta’ Ottubru fl-10.00 a.m.

Fi stqarrija Spazji Miftuħa qalet li n-nies huma rrabjati għall-mod kif il-Gvern qed jittratta l-patrimonju naturali u kulturali ta’ Malta u Għawdex.

Tenniet li ma tistax tlaħħaq mar-rispons tal-pubbliku ġenerali b’aktar minn 30,000 persuna s’issa jiffirmaw il-petizzjoni onlajn. Żiedet tgħid li wara l-iffirmar tal-ftehim tal-Miżieb u l-Aħrax bejn il-Gvern u l-lobby tal-kaċċaturi li sar wara bibien magħluqa, il-koalizzjoni diġà ressqet protest ġudizzjarju u qed tesplora l-possibbiltà li tiftaħ kawża fil-qorti biex tisfida din id-deċiżjoni.

Sadanittant, il-koalizzjoni qed titlob lil dawk li jappoġġjawha flimkien ma’ dawk kollha li japprezzaw in-natura, il-kultura u l-ispazji miftuħa, biex jingħaqdu magħha għall-protesta paċifika fil-Belt Valletta. Kulħadd huwa mħeġġeġ iġib miegħu kartelluni jew sinjali oħra bil-messaġġi personali tiegħu. Inħolqot Facebook event minn fejn dawk kollha interessati se jkunu jistgħu jsegwu aktar avviżi li se jinħarġu u anke talbiet biex jgħinu ħalli jintbagħat messaġġ aktar ċar lill-Gvern. 

Ekonomija

Sport