Saturday, October 26, 2024

Kodiċi tal-etika ġdid għall-Korp tal-Pulizija… Implimentati wkoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO

Aqra wkoll

Il-Korp tal-Pulizija ppubblika kodiċi tal-etika ġdid u bl-introduzzjonijiet ta’ numru ta’ policies interni, kienu implimentati wkoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-Group of States Against Corruption (GRECO) għall-Korp tal-Pulizija.

Fit-tnedija ta’ dawn l-inizjattivi l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri tenna li dawn il-bidliet qed juru r-rieda tal-gvern li jkompli jirriforma l-istituzzjonijiet. Fuq kollox, qal il-Ministru Camilleri, din hi amministrazzjoni li żżomm kelmtha mal-pubbliku u ma’ istituzzjonijiet internazzjonali bħall-Kummissjoni Venezja u l-GRECO fost oħrajn.

“Meta nieħdu dawn id-deċiżjonijiet inpoġġuhom fis-seħħ u nippubblikawhom iswed fuq l-abjad biex jarahom kulħadd, qed nuru li din hi l-iktar amministrazzjoni li appoġġat il-bidla fil-Korp tal-Pulizija”, qal il-Ministru Camilleri.

Il-kodiċi tal-etika tal-pulizija kien aġġornat wara 18-il sena u l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà ddeskrivih bħala dokument ħaj li jrid jibqa’ jiġġedded u jinbidel maż-żmien. Huwa spjega li dan id-dokument għandu jiġi aġġornat minn tal-inqas kull ħames snin sakemm ma jkunx hemm il-ħtieġa li jinbidel qabel. Dokumenti oħra li daħlu fis-seħħ kienu l-politika kontra l-frodi u l-korruzzjoni tal-Korp tal-Pulizija, il-politika li tirregola l-moviment fi ħdan il-Korp tal-Pulizija u l-politika li tirregola interessi tan-negozju u xogħol ieħor li jista’ jkollu membru tal-Korp tal-Pulizija.

Dawn isegwu għadd ta’ inizjattivi oħra li fost oħrajn għandhom ikomplu jagħmlu mill-Korp tal-Pulizija post tax-xogħol ġust u attraenti. Il-Ministru Camilleri fakkar li dawn il-bidliet isegwu t-tnedija tal-istrateġija ta’ trasformazzjoni tal-Korp tal-Pulizija li kienet ippubblikata f’Settembru li għadda. “Hija fuq kollox strateġija li trid tagħmel mill-Korp tal-Pulizija xogħol tal-għażla, ta’ karriera,” qal il-Ministru Camilleri.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet il-Kummissarju tal-Pulizija ta spjegazzjoni ċara ta’ xi tfisser kull policy adottata u l-għan li maħsuba tindirizza. 

Sport