Saturday, December 21, 2024

Kollaborazzjoni bejn Project Green u Heritage Malta wasslet għal restawr ta’ ġonna fil-Kalkara li jmorru lura għas-seklu 19

Aqra wkoll

Il-ġonna ta’ Villa Portelli fil-Kalkara, li jmorru lura għas-seklu 19, ġew riġenerati permezz ta’ kollaborazzjoni bejn Project Green u Heritage Malta. Il-ġonna ta’ din il-proprjetà storika jmorru lura għall-bidu tal-era Vittorjana. Villa Portelli nbniet bħala residenza tas-sajf għan-negozjant magħruf Agostino Portelli u aktar tard saret residenza għall-ammiralli Britanniċi, u b’hekk din il-binja tkompli ssaħħaħ l-importanza kulturali u navali tal-istorja ta’ Malta.

Il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli u l-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici żaru l-ġonna akkumpanjati mit-timijiet ta’ Project Green, Heritage Malta, u l-Kunsill Lokali ta’ Kalkara, hekk kif dawn il-ġonna huma miftuħin għall-pubbliku.

B’investiment ta’ €3 miljun, Project Green u Heritage Malta nedew proġett ta’ restawr li rriġenera l-ġonna esterni, filwaqt li x-xogħlijiet fuq il-villa nnifisha għadhom għaddejjin. Fit-totalità tagħhom, il-ġonna tal-villa jammontaw għall-5,000 metru kwadru. Permezz ta’ ċentru ta’ interpretazzjoni ġewwa Villa Portelli, il-viżitaturi se jingħataw spjegazzjoni dwar l-istorja ta’ din il-villa, kif ukoll dwar ix-xogħlijiet ta’ restawr li għadhom għaddejjin.

Ix-xogħlijiet ta’ restawr fil-ġonna kienu mmexxija minn Project Green, bl-għajnuna ta’ kuraturi minn Heritage Malta biex tiġi assigurata l-protezzjoni ta’ din il-binja. F’dawn il-ġonna se jitkabbru wkoll ħxejjex u ħwawar għal Taste History, li permezz tagħha Heritage Malta toffri esperjenza gastronomika.

“Il-proġetti ambjentali tagħna qed imissu dimensjonijiet differenti tas-soċjetà. Minn spazji miftuħa fejn it-tfal jistgħu jilgħabu, għal spazji li joffru appoġġ soċjali, għal ġonna li jirriflettu l-wirt u l-identità tagħna. Irridu li b’dawn il-proġetti ntejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti f’kull aspett,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Il-Ministru Owen Bonnici faħħar l-isforzi ta’ Heritage Malta biex siti bħal Villa Portelli jiġu restawrati u qal li l-gvern huwa impenjat li jkompli b’inizjattivi mmirati lejn il-preservazzjoni, ir-restawr, u r-riabilitazzjoni ta’ siti storiċi fuq bażi regolari.

Is-Sindku tal-Kalkara, Wayne Aquilina qal, “Kuntent li qed inwettqu wegħda oħra, jiġifieri li din il-binja storika f’raħalna nagħmluha aktar aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali, b’mod partikolari għall-komunità Kalkariża. Ir-riġenerazzjoni tal-ġonna ta’ Villa Portelli għal-lokalità tal- Kalkara tfisser nifs u spazju ieħor fejn b’mod trankwill persuna tista’ tapprezza l-ġmiel mhux biss ta’ din il-villa iżda tal-lokalità tagħna. Inħares ’il quddiem għal aktar ħidma f’partijiet diversi ta’ Villa Portelli biex verament ikollha użu u titgawda minn kulħadd.”

Hekk kif jitlesta x-xogħol ta’ restawr ta’ Villa Portelli minn Heritage Malta, il-villa se tkun tista’ tospita avvenimenti u attivitajiet bħala parti minn programm ta’ outreach. Il-ġonna ta’ Villa Portelli jilqgħu fihom annimali domestiċi, filwaqt li jservu bħala post ta’ rilassament, edukazzjoni u sens komunitarju. 

Il-ġonna se jkunu miftuħa għall-pubbliku bla ħlas kull nhar ta’ Ħadd bejn is-7:30 ta’ filgħodu u l-4:00 ta’ waranofsinhar. 

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport