Qed isiru aktar sforzi sabiex fil-pajjiż jiżdiedu l-ispazji miftuħa sabiex dawn jitgawdew mill-pubbliku. Dawn l-inizjattivi qed isiru bil-għan mhux biss li jsir xogħol ta’ tisbiħ imma wkoll li jkun hemm proġetti favur l-ambjent.
Għal dawn il-proġetti hemm ivvutati miljuni ta’ ewro, bl-investiment se jkun mifrux f’diversi lokalitajiet imxerrdin ma’ pajjiżna, li bla dubju se jkunu qed iġibu bidliet sinjifikanti ambjentali. Dan għaliex minbarra li jservu għat-tgawdija tal-pubbliku qed ikomplu jgħinu fit-tnaqqis tat-tniġġiż fl-arja.
Il-Gvern ħadem u qiegħed jaħdem bis-sħiħ f’din id-direzzjoni tant li l-manifest elettorali tal-Partit Laburista kien inkluda l-wegħda ta’ €700 miljun fuq medda ta’ seba’ snin għal inizjattivi ambjentali. Din l-istess proposta m’għadhiex aktar wegħda biss, imma issa bdejna narawha titwettaq b’mod konkret.
Hawn ma nistgħux ma ninnutawx il-ħidma li qiegħda tagħmel l-Aġenzija Project Green, li hija responsabbli għal dan l-akbar proġett ambjentali u ambizzjuż fl-istorja tal-pajjiż. Fil-fatt, uħud mill-proġetti diġà qed naraw it-tlestija tagħhom fosthom l-ispazju miftuħ ta’ 17,000 metru kwadru fil-Park tal-Familja f’Bengħajsa u l-estensjoni tal-Park ta’ San Klement f’Ħaż-Żabbar.
Dan l-investiment se nkunu qed naraw il-frott tiegħu mhux biss f’Malta imma anke fil-gżira tat-tliet għoljiet. B’kollaborazzjoni ma’ diversi entitajiet, qegħdin naraw ukoll spazji ġodda li jkunu wkoll aktar sostenibbli permezz ta’ infrastruttura li taħżen l-ilma tax-xita, iżjed siġar u arbuxelli indiġeni, materjali riċiklabbli u teknoloġija t’enerġija rinovabbli.
Fil-fatt, matul il-jiem li għaddew tħabbar li ġnien fix-Xewkija se jsir l-ewwel ġnien carbon neutral f’Għawdex. Dan isegwi l-ftuħ tal-ewwel ġnien simili fil-Kalkara, liema proġett kien intlaqa’ b’mod tajjeb ħafna.
Nemmnu li dawn il-proġetti qed isiru bi skop li jikber il-ġid komuni. Dan ifisser li l-flus li qed jintefqu fi proġetti ta’ din il-kobor u kwalità qed iservu tajjeb soċjalment. Għalhekk inħarsu ‘l quddiem għat-twettiq ta’ dawn il-proġetti li se jkunu qegħdin joffru trankwillità għall-kwalità ta’ ħajja dejjem aħjar għall-benefiċċju tal-Malti u l-Għawdxin kollha.