F’waħda mis-seduti Parlamentari tal-ġimgħa l-oħra għamilt intervent dwar abbozz ta’ liġi importanti ferm li qed ikompli jsaħħaħ il-qafas legali li diġa għandna, li permezz tiegħu qed nirregolaw il-professjoni tal-psikoterapisti.
Din hija professjoni importanti ferm għall-qasam tal-kura tas-saħħa mentali tal-poplu tagħna. Il-Psikoterapisti huma parti minn firxa wiesgħa ta’ professjonisti diversi li qegħdin hemmhekk biex jagħtu servizz mill-aqwa lil kull min ikollu bżonn l-għajnuna f’każijiet ta’ saħħa mentali. Lil dawn il-professjonisti insellmulhom u nroddulhom ħajr għax-xogħol kbir li qed jagħmlu.
Bl-istess mod sellimt lid-diversi Għaqdiet Mhux Governattivi (NGOs) li qegħdin jagħmlu xogħol importanti ferm biex il-firxa wiesgħa ta’ servizzi marbuta mal-qasam tas-saħħa mentali f’pajjiżna tkompli tikber.
L-għarfien dwar is-saħħa mentali jeħtieġ jiżdied. Bosta nies, f’ċirkostanzi mediċi differenti ma jiddejqu xejn ifittxu l-għajnuna imma f’ċirkostanzi ta’ diffikultajiet ta’ saħħa mentali għad hemm diffikultajiet li qed iwasslu biex persuna toqgħod lura milli tfittex l-għajnuna avolja nafu li din teżisti.
Għaldaqstant huwa importanti ferm ix-xogħol imprezzabbli li qed jagħmlu diversi NGOs meta bl-azzjonijiet tagħhom qed ikomplu jqarrbu u jsaħħu l-kuntatt bejn min jista’ jkun li jkollu bżonn l-għajnuna għas-saħħa mentali u is-servizzi varji li jeżistu. Bir-relazzjoni li nħolqot bejn l-NGOs fuq naħa u l-Gvern fuq in-naħa l-oħra, qed ikompli jissaħħaħ dak li għandna bżonn. Eżempju tajjeb ferm ta’ din il-kollaborazzjoni hija dik bejn il-Gvern u l-Fondazzjoni Richmond li riċentament kelli l-okkażjoni niltaqa’ mat-tmexxija, il-ħaddiema u l-professjonisti tagħha. Din il-Fondazzjoni kisbet Fondi Ewropej sostanzjali biex tagħmel investiment fit-titjib tas-servizzi li toffri, kemm bħala taħriġ kif ukoll biex tkompli tiżviluppa l-ħidma tagħha ‘il quddiem. Dan huwa investiment importanti ferm għas-saħħa mentali tal-poplu tagħna u rridu naraw li din il-kollaborazzjoni tkompli tiżdied.
Huwa importanti għall-Gvern li bħalma qed jagħmel fil-qasam tas-saħħa b’mod inġenerali, jkompli jsaħħaħ l-investiment fil-qasam tal-kura tas-saħħa mentali. Nafu li diġa qed isir ħafna imma għad fadal xi jsir. Irridu ntejbu l-postijiet fejn jiġu offruti s-servizzi ta’ kura u jkollna strutturi aħjar biex nilħqu lin-nies. U irridu fuq kollox li jkollna kollaborazzjoni dejjem tikber bejn dawk kollha involuti.
Il-liġi oriġinali dwar il-professjoni tal-psikoterapisti tat rikonoxximent lill-professjonisti li joffru servizz importanti fil-kura u fl-assistenza meħtieġa għas-saħħa mentali. Pajjiżna, u mhux kull pajjiż għamel hekk, għażel it-triq li jagħti dan ir-rikonoxximent biex il-professjoni tkun regolata u strutturata bl-aħjar mod possibbli. Bil-liġi u bl-emendi li qed nagħmlu għaliha qed niggarantixxu li min iħabbat il-bieb ta’ professjonist, ikun jaf li dan huwa kapaċi u għandu l-ħiliet meħtieġa biex joffri s-servizz. Il-liġi tagħti s-salvagwardji kollha possibli biex il-pazjent dejjem ikollu protezzjoni sħiħa meta xi ħadd li jkun qed joffri s-servizz b’xi mod jonqos minn dmirijietu.
B’dibattitu dwar dan qegħdin nibgħatu messaġġ ċar li fejn jidħlu professjonisti marbutin mas-saħħa mentali se nkomplu nsaħħu l-qafas leġiżlattiv biex ikollna regolamentazzjoni aħjar dwar kif jitħaddmu dawn il-professjonijiet.

