Thursday, December 26, 2024

Kollezzjoni privata ta’ 11,000 ritratt uniku mgħoddija lill-Arkivji Nazzjonali

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera żar l-aħħar akkwist mill-Arkivji Nazzjonali f’forma ta’ esebizzjoni tal-kollezzjoni tal-fotografija ta’ Guido Stilon. Id-donazzjoni tal-kollezzjoni ta’ immaġni ta’ Guido Stilon (1932-1975) saret mis-Sinjura Grace Cilia Vincenti bl-iskop li tippreserva l-kollezzjoni tar-raġel tagħha u sabiex tagħmilha wkoll aċċessibbli għall-pubbliku.

Din il-kollezzjoni, li tinkludi madwar 6,000 negattiva black and white u ’l fuq minn 5,300 slide bil-kulur huma ritratti uniċi tal-bidliet soċjali, ekonomiċi u politiċi profondi ta’ Malta li kienet ħarġet mit-trawma tal-gwerra u li kienet qed tipprova ssib saqajha f’dinja ġdida.

Il-Ministru Herrera sostna li l-fotografija hija parti essenzjali mill-arkivat tagħna għaliex hija metodu ta’ kif tippreserva l-memorja kollettiva. Huwa rringrazzja lis-Sinjura Grace Galea Vincenti, lill-familjari u dawk kollha li għenu u taw sehemhom sabiex din il-kollezzjoni tingħata lill-Arkivji Nazzjonali.

Id-Dott Charles Farrugia, Kap Eżekuttiv u l-Arkivista Nazzjonali, spjega li Guido Stilon irnexxielu jiġbed il-ħajja gewwa f’Malta, primarjament matul is-snin ħamsin u sittin permezz ta’ fotografija fit-triq, xeni urbani, rurali u industrijali kif ukoll ritratti tal-ħbieb u tal-familja. Semma wkoll kif din il-kollezzjoni hija kontribut ewlieni fl-isforzi tal-Arkivji Nazzjonali sabiex jippreservaw u jagħmlu aċċessibbli il-memorja nazzjonali.

Ekonomija

Sport