Wednesday, October 30, 2024

Kollox jinsab lest biex għada jingħata bidu għal sena skolastika ġdida

Aqra wkoll

L-edukaturi huma lesti biex għada jilqgħu lill-istudenti tagħhom għal sena skolastika oħra. Sena li matulha s-settur edukattiv se jkompli jittrasforma ruħu biex l-edukazzjoni tal-preżent tingħata forma tal-futur.

Waqt żjara li għamel fl-Iskola Primarja ta’ Ħal Kirkop, Kulleġġ San Benedittu, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima sellem lill-edukaturi kollha u qal, “L-edukaturi għandhom sehem ewlieni fil-perkors edukattiv ta’ wliedna, perkors li għandu jħares mhux biss lejn suġġetti akkademiċi imma anke lejn il-ħiliet neċessarji biex kull student u studenta jilħqu l-iżvilupp sħiħ tagħhom.”

Il-Ministru Grima tkellem b’mod informali mal-edukaturi tal-Iskola Primarja ta’ Ħal Kirkop u saħaq dwar id-dedikazzjoni li kull edukatur u professjonist ieħor fis-settur edukattiv għandhom biex jaraw li jwasslu edukazzjoni sħiħa lill-istudenti kollha, u wkoll l-impenn biex jaraw il-bżonnijiet ta’ kull wieħed u waħda mill-istudenti b’mod individwali.

Huwa qal lill-edukaturi li jħares ’il quddiem biex flimkien ma’ dawk kollha fis-settur tkompli l-ħidma biex dawn ix-xhur li ġejjin ikunu xhur ta’ ħidma, imma fuq kollox żmien sabiħ għall-edukaturi u għall-istudenti.

Il-Ministru Clifton Grima ħa l-okkażjoni wkoll biex jirringrazzja lill-edukaturi tas-sehem kbir u importanti li kellhom biex tibda titfassal l-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni li se twassal lis-settur sas-sena 2030 u lil hinn. L-edukaturi kienu l-ewwel li kienu konsultati dwar din l-istrateġija, eżerċizzju li wassal biex tinbena l-qafas tagħha. Żewġ pilastri importanti tal-istrateġija huma l-istudenti fiċ-ċentru tagħha, kif ukoll il-benesseri ta’ kull student.

Bħal f’kull skola oħra tal-istat, matul il-vaganzi tas-sajf sar xogħol ta’ manutenzjoni fl-Iskola Primarja ta’ Ħal Kirkop biex kemm l-edukaturi kif ukoll l-istudenti jintlaqgħu f’ambjent edukattiv xieraq. F’din l-iskola wkoll baqa’ biss ftit xogħol biex jitlesta proġett tal-installar tal-arja kundizzjonata.

Is-sena skolastika ġdida se tibda wara sajf sħiħ ta’ preparamenti mil-edukaturi nfushom biex ilestu l-materjal u dak kollu meħtieġ għal din is-sena skolastika. Preparamenti li kienu jinvolvu wkoll xogħol amministrattiv, u xogħol ta’ proġetti diġitali u infrastrutturali.

“Nemmnu bis-sħiħ li s-sewwieqa tat-tagħlim li jwassal għas-suċċess ta’ wliedna huma intom l-edukaturi. Għalhekk l-investiment li qed nagħmlu f’dan is-settur, investiment li huwa s-sostenn li se nkomplu nagħtu lill-edukaturi tagħna,” temm jgħid il-Ministru Clifton Grima.

Sport