Il-Festival taċ-Ċikkulata tal-Ħamrun, li issa wasal fl-14-il edizzjoni tiegħu, huwa bla dubju wieħed mill-aktar avvenimenti kulturali propolari f’Malta, fejn jattira eluf kbar ta’ nies kull sena. Il-festival mhux biss jiċċelebra ċ-ċikkulata iżda jenfasizza wkoll is-sinifikat kulturali tiegħu, l-impenn komunitarju, u l-promozzjoni taċ-ċikkulata lokali u internazzjonali.
Il-Festival taċ-Ċikkulata tal-Ħamrun huwa avveniment li sab postu sew fil-kalendarju kulturali ta’ Malta, li ġibed l-attenzjoni kemm minn udjenzi lokali kif ukoll internazzjonali. Din is-sena, il-festival se jsir nhar is-Sibt 19 ta’ Ottubru filgħaxija, fi Triq il-Kbira San Ġużepp u fit-toroq tal- madwar.
L-istorja tal-kawkaw tmur lura għal aktar minn 2,500 sena, li toriġina mal-Mayas u aktar tard adottata mill-Aztecs. F’Malta, rekords storiċi jindikaw li fi żmien il-ħakma tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, iż-żerriegħa tal-kawkaw kienet maħżuna fiż-żona tas-Samra, u dan jenfasizza r-rabta bikrija tal-gżira ma’ dan l-ingredjent tant popolari.
Sa mill-bidu tiegħu, il-Festival taċ-Ċikkulata tal-Ħamrun evolva b’mod sinifikanti, bl-edizzjoni ta’ din is-sena għandha l-għan li ttejjeb l-esperjenza tal-viżitatur permezz ta’ attrazzjonijiet innovattivi u atmosfera akkoljenti. L-organizzaturi kkollaboraw man-negozji tal-lokal biex jiżguraw firxa kbiar ta’ prodotti u esperjenzi relatati maċ-ċikkulata. Kull sena, il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun, l-organizzaturi ta’ din l-attività, jinvolvi lill-baned lokali u għaqdiet volontarji oħra
biex jagħtuha togħma lokali. Il-laqta internazzjonali hija mportanti ħafna għal dan il-festival, għalhekk din is-sena, mill-ġdid se jkollna ċikkulata li se toħodna fl-Italja, il-Belġu, l-Ingilterra, l-Brażil fost l-oħrajn.
Wara s-suċċess kbir tas-sena l-oħra, bil-figura Maximus ta’ Russle Crowe, dan l-avveniment qed iwiegħed skulturi oħra meraviljużi taċ-ċikkulata li żgur se jkunu l-qofol tal-lejl. Żona dedikata għat-tfal tiżgura li l-festival kien u għadu avveniment tajjeb għall-familja kollha.
Il-Festival taċ-Ċikkulata tal-Ħamrun jirrappreżenta aktar minn sempliċi ċelebrazzjoni taċ- ċikkulata; huwa fenomenu kulturali li jrawwem l-impenn komunitarju, jippromwovi n-negozji lokali, l-organizzazzjonijiet volontarji filwaqt li jenfasizza s-sinifikat storiku tal-kawkaw f’Malta.
Hekk kif il-festival ikompli jikber u jevolvi dan se jkun qed joffri taħlita unika ta’ indulġenza, kreattività, u edukazzjoni għal dawk li jħobbu ċ-ċikkulata.