Saturday, December 21, 2024

Kollox jinsab lest għall-avveniment “L-Istorja, Aħna”

Aqra wkoll

Kollox jinsab lest biex il-Ġimgħa, s-Sibt u l-Ħadd li ġej, jintlaħaq il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet li ser ifakkru l-Ħamsin Anniversarju ta’ Malta Repubblika, ġewwa Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta – il-pjazza li ħamsin sena ilu kienet l-isfond għal dan il-mument kruċjali fl-istorja ta’ pajjiżna – bl-istess mod kif ser tkun l-isfond għall-ispettaklu li ġie mħejji u li ser jirrakkonta l-istorja ta’ Malta u l-poplu tagħha. B’aktar minn 400 persuna se jkunu parti minn dan l-ispettaklu, kemm produzzjoni u artisti.

F’konferenza tal-aħbarijiet ġewwa Pjazza San Ġorġ ġew imħabbra d-dettalji ta’ dan l-ispettaklu awdjo-viżiv, li ser ikun qiegħed jittella’ fuq tlett ijiem u li għalih id-dħul huwa b’xejn. Tul dawn l-aħħar ġimgħat, permezz tal-kampanja “L-Istorja, INT”  ingħatat dimensjoni personali u umana lil din il-festa u dan sar permezz ta’ uċuħ differenti min diversi aspetti, u setturi tas-soċjetà.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal kif dan l-ispettaklu bl-isem “L-Istorja, Aħna”, ser jagħti ġieħ uniku lejn il-passat tagħna, mill-bidu taż-żminijiet, sal-ġurnata tal-lum b’enfasi speċjali fuq mumenti speċjali li għaddejna flimkien bħala pajjiż u li ser jibqgħu magħna għal-dejjem.

“Dan l-ispettaklu, mill-Maltin għall-Maltin, mistenni jkun wieħed li ftit li xejn rajna bħala fil-gżejjer Maltin, u bla dubju, ser jibqa’ mnaqqax fil-memorja ta’ kull min ser ikun qiegħed jesperjenzah,” temm jgħid il-Ministru Owen Bonnici.

Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta Aaron Zahra qal: “Il-preparamenti għaċ-ċelebrazzjoni tal-50 Anniversarju ta’ Malta Repubblika ilhom għaddejjin ix-xhur, u b’sodisfazzjon ninnota li issa verament wasal iż-żmien sabiex dak li ilna nħejju, inwassluh lill-poplu Malti u Għawdxi fit-13, 14 u 15 ta’ Diċembru li ġej.” Is-Sur Zahra kompla jgħid li ser ikunu ċelebrazzjonijiet denji u xierqa li jagħtu ġieħ lil Malta Repubblika.

“Il-kampanja intensiva ta’ informazzjoni dwar dan il-jum storiku jidher illi ħalliet il-frott mixtieq. Persważ illi dak li hemm imħejji u dak li ser jiġi preżentat, ser iħalli legat importanti. Irrid nirringrazzja lil dawk kollha nvoluti għaċ-ċelebrazzjoni tal-50 Anniversarju ta’ Malta Repubblika,” temm jgħid is-Sur Zahra.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Frans Agius tenna  li permezz ta’ dan l-avveniment Festivals Malta tinsab impenjata li minbarra li tiċċelebra l-50 anniversarju minn Malta Repubblika, tagħti pjattaforma sabiex jitwassal is-sinifikat ta’ dan il-jum tant importanti fl-istorja ta’ pajjiżna lill-poplu Malti u Għawdxi. “Inħeġġu lill-poplu jattendi għal dan l-ispettaklu awdjo-viżiv fi Pjazza San Ġorġ, spettaklu mill-isbaħ bil-parteċipazzjoni ta’ ftit mill-aqwa talent lokali li joffri pajjiżna sabiex tassew niċċelebraw dan il-jum storiku,” qal is-Sur Agius.

Iċ-Chairman tal-Festi Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali Liam Gauci qal li dan l-ispettaklu se jkun il-qofol ta’ kampanja edukattiva li ġiet varata ftit jiem ilu fl-okkażjoni tal-50 anniversarju minn Malta Repubblika, bis-sehem ta’ bosta individwi Maltin, Għawdxin u anke persuni li għamlu minn Malta d-dar tagħhom. Ktieb speċjali li jixtar il-paġni tal- istorja ta’ Malta  f’dan l-anniversarju sejjer jitqassam fl-iskejjel biex iwassal għal għarfien ġdid dwar Malta Repubblika. “Dan huwa tassew anniversarju importanti hekk kif il-mixja sabiex naslu sa Malta Repubblika ma kienet xejn faċli però, minkejja ċ-ċokon tagħna, pajjiżna rnexxielu jkun u jibqa’ fil-quċċata tad-djalogu internazzjonali,” temm jgħid is-Sur Gauci.

Fl-aħħar jiem ukoll ġiet imnedija l-kanzunetta uffiċjali bi kliem ta’ Joe Julian Farrugia u mużika ta’ Elton Zarb. Bl-isem ta’ “Aħna Malta”, din il-kanzunetta tiġbor fiha uħud mill-aqwa talent lokali, u tirrakkonta kull ħaġa li tagħmilna kburin li aħna Maltin.

“L-Istorja, Aħna” se jittella’ nhar Jum ir-Repubblika kif ukoll is-Sibt 14 u l-Ħadd 15 ta’ Diċembru, 2024.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport