L-immudellar huwa arti li tmur lil hinn mill-wiċċ sabiħ u l-preżenza fuq palk. Huwa vjaġġ ta’ dixxiplina, kuraġġ, u tkabbir personali. Dan hu propju dak li jixhdu żewġ mudelli Maltin – Diana Cassar Bonnici u Jean-Claude Tonna, li mhux biss għamlu isem għalihom infushom, imma wkoll għall-pajjiż tagħhom, f’dan il-każ Malta. Illum, dawn iż-żewġ individwi qed iħejju ruħhom għal kompetizzjoni prestiġjuża f’Los Angeles, fl-Istati Uniti, wara rebħiet f’Malta u f’Londra.
Dan is-sit ħa l-kummenti kemm ta’ Jean-Claude kif ukoll ta’ Diana dwar l-emozzjoni tagħhom wara li rebħu l-kategorija rispettiva tagħhom u x’qed jistennew għall-mawra li se ssir fi ftit tal-jiem oħra f’Los Angeles, l-Istati Uniti.
Iżda nibdew mill-ewwel fil-passat u kif beda kollox.
Il-bidu tagħhom kien wieħed ferm modest iżda b’saħħtu. Kemm Diana kif ukoll Jean Claude ħadu sehem f’kompetizzjoni lokali organizżata minn Gaetano Busuttil Cordina, u minn hemm bdiet l-avventura tagħhom. It-tnejn li huma ħarġu rebbieħa minn din il-
kompetizzjoni, li kienet il-bieb għall-opportunità li jikkompetu barra minn Malta – l-ewwel f’Londra u issa fl-Istati Uniti.
L-isfida li ġejja f’Los Angeles hija waħda li żżid prestiġju u importanza għall-karriera tagħhom, u huma qed jistennew bil-ħerqa biex jirrappreżentaw lil Malta b’ġieh.
“Ninsab eċitata ħafna,” tgħid Diana ftit jiem qabel titlaq lejn l-Istati Uniti. “Din se tkun it-tienlet darba li se nkun qed nirrappreżenta lil Malta f’kompetizzjoni internazzjonali. Darba minnhom ksibt it-tieni post, b’distakk żgħir ta’punt wieħed biss minn tal-ewwel, it-tieni darba rbaħt, u issa sejra nirrapreżenta lil Malta f’Los Angeles. Determinata u naf li se nasal!”
L-esperjenza f’Londra kienet pass kbir għalihom it-tnejn. Diana tiftakar b’għożża kif kienu parti minn grupp żgħir ta’ Maltin, waqt li l-kompetizzjoni kienet mimlija b’parteċipanti Ingliżi b’esperjenza. “Konna ftit ħafna, imma determinati. U t-tnejn li aħna, jien u Jean, irnexxilna nirbħu minkejja li kif jgħidu fil-futbol konna barra minn darna. Dak il-mument ma ninsieh qatt.”
Jean Claude ukoll jaqsam dan is-sentiment. “L-esperjenza f’Londra kienet waħda mill-isbaħ tal-ħajja tiegħi. Il-palk kien spettakolari, il-ġurija professjonali ħafna, u l-appoġġ mill-udjenza kien inkredibbli. Dan hu xenarju li kull mudell jew mudella joħlom li jkollu. Imma l-isbaħ ħaġa kienet li ġibna l-unur lura Malta.”
Għal Jean Claude, l-immudellar mhuwiex xi ħaġa ġdida. Minn meta kien żgħir, ommu kienet tarah bħala mudell u kienet iddaħħlu f’kompetizzjonijiet sabiex jieħu l-esperjenza tiegħu. “Dejjem kont inħobb din id-dinja,” jgħid hu. “Il-passjoni tiegħi bdiet kmieni, u issa qed tinbidel f’karriera li vera nħobb.”
Diana, min-naħa tagħha, bdiet timmudella mill-eta’ ta’ 14-il sena. “Kont tfajla mistħija ħafna,” tiftakar. “Imma bl-immudellar bdejt noħroġ mill-qoxra tiegħi peress li qabel kont niddejjaq nidher quddiem in-nies. Din l-arti, kif sejjaħtilha int, tgħinni ħafna fil-kunfidenza personali u biex inħobb lili nnifsi kif inkun. Meta titla’ fuq il-palk quddiem tant nies, trid tkun b’saħħtek minn ġewwa. U dik is-saħħa żviluppajtha b’ħafna sagrifiċċji u dedikazzjoni.”
Fil-konverżazzjoni tagħna, kemm Diana kif ukoll Jean Claude enfasizzaw li l-ġmiel mhux biss dak ta’ barra. “Naħseb li hu fundamentali li tkun sabiħ minn ġewwa wkoll,” tgħid Diana. “Il-karattru tiegħek, kif titratta lin-nies, il-valuri li tgħix bihom, dawn kollha jagħmlu differenza. Għalhekk kull sena ngħin lis-Santwarju tal-Annimali Island Sanctuary.
Niġbor donazzjonijiet u nixtrilhom ikel. Mudell tajjeb jew mudella tajba tkun kompluta jekk ma tagħmel il-ġid ukoll.”
Jean Claude jaqbel kompletament. “Irid ikollok il-pakkett kollu – mhux biss dehra sabiħa li nafu kemm hi importanti, imma wkoll il-mod kif tippreżenta lilek innifsek, tkun umli u tipproġetta kunfidenza b’mod naturali.”
Qabel jitilqu għal Los Angeles, taw ukoll xi pariri lil dawk li jixtiequ jibdew il-karriera tagħhom fl-immudellar. Diana tappella lil dawk, speċjalment lin-nisa miżżewġin: “Qatt mhu tard. Il-ħajja hija qasira wisq biex tgħaddi mingħajr ma tipprova tagħmel xi ħaġa li tħobb. Jekk għandek ħolma, segwiha. L-immudellar jgħinek tikber bħala persuna.”
Jean Claude jagħmel appell lis-subien u ġuvintur li qed jaqraw din l-intervista: “Għas-subien l-immudellar xi kultant ikun diffiċli, hemm stigma, speċjalment f’soċjetajiet konservattivi. Imma ma għandekx taqta’ qalbek. Jekk verament għandek ħolma, kompli stinka u għaddi kull ostaklu li tiġi quddiemek. B’xorti tajba f’Malta l-affarijiet qed jinbidlu u dan hu pass ‘il quddiem.”
Meta tkellimna dwar il-futur, it-tnejn kellhom viżjoni ċara. Diana qalet li ma taħsibx li se tkun għadha tikkompeti, iżda tixtieq tibqa’ f’dan il-qasam permezz tat-televiżjoni jew bħala mentor għal oħrajn. “Inħoss li l-esperjenza tiegħi tista’ tgħin lil ħafna nisa oħra li bħal ma kont jien, qed ifittxu t-triq tagħhom.”
B’kuntrast, Jean Claude jara ruħu b’familja u b’karriera aktar b’saħħitha fil-modelling.
“Inħoss li għad hemm ħafna xi nilħaq. Mhux biss fl-immudellar, imma wkoll f’dak li jista’ jiġi warajh – kif tista’ tinfluwenza u tispira oħrajn.”
Il-vjaġġ tagħhom mhuwiex wieħed sempliċi. Huwa vjaġġ ta’ ħidma iebsa, determinazzjoni u kuraġġ li jgħaddi minn kompetizzjonijiet lokali sa sfidi internazzjonali. Jean Claude u Diana wrew li mudell tajjeb mhux biss wieħed li jidher tajjeb, imma wieħed li jġib miegħu messaġġ ta’ tama, qawwa u valuri.
Fuq kollox, huma eżempju ta’ kif b’passjoni, dedikazzjoni u qalb kbira, saħansitra minn gżira żgħira bħal Malta, tista’ tagħmel impatt fuq livell globali.
Mit-tim tagħna, nawgurawlkom suċċess fil-kompetizzjoni f’Los Angeles. Tkunu fejn tkunu, żgur li lil Malta qed tirrappreżentawha b’ġieh u b’dinjità.
Kollox lest biex Diana Cassar Bonnici u Jean-Claude Tounna jirrapreżentaw lil Malta f’kompetizzjoni prestiġjuża f’Los Angeles
