Kollox jinsab lest biex it-team nazzjonali Malti tal-waterpolo jivvjaġġa lejn Bucharest, ir-Rumanija, nhar l-Erbgħa li ġej, fejn hemmhekk se jkun qed jikkompeti f’Diviżjoni B ta’ Kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja.
Malta se tkun qed tiftaħ l-impenji tagħha kontra l-Ġermanja nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Marzu fil-11:30am, filwaqt li aktar tard tilgħab kontra l-Ukrajna fil-5.30pm.
Malta mbagħad terġa’ tkun fl-azzjoni s-Sibt fil-5.30pm kontra l-Ingilterra u l-Ħadd ttemm l-impenji kontra l-pajjiż ospitu, ir-Rumanija fl-10am.
Notevoli huwa l-fatt li għall-ewwel żewġ logħbiet, Malta se jkollha lill-player ta’ Sliema ASC, Dino Zammit sospiż, waqt li l-captain tat-team għall-ewwel żewġ logħbiet se jkun qed jitħabbar mill-coach tat-team nazzjonali Milan Cirovic iktar tard. L-istess Dino Zammit se jkun qed imexxi lit-team Malti bħala captain fil-partiti sussegwenti. Ta’ min wieħed jirrimarka li matul din il-kompetizzjoni, mistenni jagħmel id-debutt tiegħu għal pajjiżna, il-player żagħżugħ ta’ Sliema ASC, Jayden Cutajar.
Intant, il-coach il-ġdid tat-team nazzjonali, Milan Cirovic, qal li f’dawn il-kampjonati huwa mistenni jżewweġ it-talent żagħżugħ ma’ dak tal-players veterani li jiffirmaw parti mit-team nazzjonali, waqt li jinsab ċert li jekk il-players jagħtu l-almu kollu tagħhom, ir-riżultati tant mixtieqa se jkunu qed jaslu.
Tkellem ukoll il-president tal-ASA, Karl Izzo, li qal li dawn il-logħbiet li ġejjin għat-team nazzjonali huma ferm importanti għax se jknu qed jipprovdu lill-coach Cirovic biċ-ċans li jsegwi lill-players tiegħu kontra timijiet li jistgħu jaffaċċjaw fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej aktar tard matul din is-sena. Fost oħrajn huwa semma’ li diġá bdew diskussjonijiet mal-klabbs konċernati sabiex jitwal il-Kampjonat tas-Sajf, waqt li jista’ jkun li fil-futur player barrani li jkun jimmilita f’team lokali, ikun f’pajjizna għas-sena sħiħa u mhux biss għax-xhur tas-sajf, waqt li m’eskludiex li players barranin tista’ tingħatalhom iċ-ċittadinanza Maltija fuq ordni tal-mertu.
Mat-team nazzjonali Malti ser ikun hemm ukoll ir-referee Massimo Angileri li ser ikun qiegħed jikkontrolla xi logħob matul dan il-kwalifikazzjoni.
Barra t-tim nazzjonali tal-kbar, fil-jiem li ġejjin ser ikun hemm fl-azzjoni t-tim nazzjonali Malti tal-U17. Malta se tkun qed tilgħab fi Grupp D ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati tal-waterpolo li ser isiru f’Manisa, it-Turkija. Fl-opinjoni ta’ Cirocic, li huwa wkoll il-coach tat-team nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena, il-fatt li ser nilagħbu f’pajjiżna, żgur li se jkun qed jgħin bis-sħiħ liż-żgħażagħ Maltin. Jayden Cutajar ser ikun qed imexxi lit-team bħala captain matul dan il-logħob.
Malta se tiftaħ l-impenji tagħha kontra l-Latvja fis-16 ta’ Marzu fis-6.30pm, imbagħad il-Ġimgħa 17 ta’ Marzu tilgħab kontra l-Polonja ukoll fis-6.30pm.
Malta mbagħad tilgħab kontra s-Slovakkja fit-8pm nhar is-Sibt 18 ta’ Marzu, bl-aħħar logħba tkun l-għada l-Ħadd 19 ta’ Marzu kontra l-Ingilterra fil-11:30am.
Il-logħob kollu tat-team nazzjonali Malti tal-U17 ser ikun muri live fuq il-paġna uffiċjali tal-YouTube tal-ASA, u d-dħul fil-Pixxina Nazzjonali ser ikun mingħajr ħlas.
Mat-team nazzjonali Malti tal-U17 ser ikun hemm ukoll ir-referee Alex de Raffaele li ser jikkontrolla xi logħob mill-istess kwalifikazzjoni.
Intant, matul l-istess konferenza stampa, tħabbar ukoll li ntlaħaq ftehim bejn l-ASA u Teamsport għat-tliet snin li ġejjin, fejn l-isportivi tat-timijiet nazzjonali tal-ASA ser ikunu pprovduti bil-ħwejjeġ ta’ din id-ditta għall-kompetizzjonijiet rispettivi tagħhom.