Friday, December 5, 2025

Kollox lest għal edizzjoni oħra tal-Premju għall-Arti 2025

Dan l-avveniment, li jittella’ kull sentejn, jiċċelebra l-eċċellenza artistika, l-innovazzjoni u l-impatt fuq il-komunità

Aqra wkoll

Kollox jinsab lest għall-edizzjoni ta’ dis-sena tal-Premju għall-Arti, organizzat mill-Kunsill Malti għall-Arti, u s-setturi kulturali u kreattivi ta’ Malta qed iħejju ruħhom biex jiċċelebraw artisti, prattikanti, u proġetti li spikkaw u li tellgħu l-ekosistema artistika Maltija fuq tarġa ogħla.

L-avveniment se jittella’ nhar il-Ġimgħa fit-Teatru Manoel, u se jonora l-eċċellenza f’14-il kategorija kompetittiva u b’seba’ titli onorarji, b’mod li jirrikonoxxi l-firxa tax-xogħol artistiku li sawwar ix-xena kulturali Maltija matul dawn l-aħħar sentejn.

Dr Luke Dalli, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, stqarr: “L-istrateġija tagħna qed tagħmel vjaġġ kontinwu lejn l-eċċellenza, kif jixraq lill-industriji kulturali u kreattivi tagħna. Il-Premju għall-Arti huwa pass ieħor li jgħinna nilħqu dan it-tragward, u jitfa’ dawl fuq kull artist u prattikant li għaddej minn dan il-vjaġġ. Din is-sena, ħadna gost naraw rekord ta’ nomini li rrifletta l-istandards artistiċi għolja tas-settur. Nifraħ lill-finalisti; huma ambaxxaturi għas-settur denji, u bla dubju se jkunu ta’ ispirazzjoni għal oħrajn, bil-kisbiet tagħhom jispiraw u jixprunaw għal ambizzjonijiet ogħla.”

Minn produzzjoni fuq il-palk għal provi tekniċi, it-tħejjijiet ta’ bħalissa jirriflettu l-importanza ta’ avveniment li sar indikatur ewlieni għas-settur. L-avveniment ta’ nhar il-Ġimgħa se jitfa’ wkoll dawl fuq il-prijoritajiet li jinsabu fil-qalba tal-istrateġija għat-tul ta’ żmien tal-Kunsill Malti għall-Arti, fosthom il-professjonaliżmu, l-inklużjoni, u t-tkabbir artistiku sostenibbli, f’konformità mill-qrib ma’ Viżjoni Malta 2050, il-qafas nazzjonali. Huwa wkoll kulminazzjoni tal-għaxar snin tal-Kunsill.

In-nominazzjonijiet kollha għaddew minn evalwazzjoni rigoruża permezz ta’ ġurija magħmula minn esperti esterni u rappreżentanti tal-Kunsill Malti għall-Arti. In-nomini li daħlu fil-lista finali jirriflettu standards artistiċi għoljin, bl-aħħar 5 biss jidħlu fil-fażi finali.

Il-Premju għall-Arti se jixxandar lajv fuq il-paġna tal-Facebook tal-Kunsill Malti għall-Arti, fil-5 ta’ Diċembru fis-18:15.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport