Mużika Mużika, wieħed mill-ikbar festivals lokali li jiċċelebra l-mużika Maltija, se jirritorna għas-sitt edizzjoni tiegħu nhar il-Ħamis li ġej. Bħalissa għaddejjin l-aħħar preparamenti għall-festival, b’mijiet ta’ professjonisti, flimkien mat-tim ta’ Festivals Malta, jaħdmu fuq il-produzzjoni, ix-xandira televiżiva, il-palk, ir-reklamar, id-dawl u s-sound, u aspetti oħra biex dan il-festival jittella’ b’suċċess għal sena oħra.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u t-tim ta’ Festivals Malta żaru l-aħħar preparamenti ta’ Mużika Mużika.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li Mużika Mużika hija xhieda ħajja li l-kultura Maltija mhijiex passat, anke jekk għandha tradizzjoni unika, iżda hija l-preżent ħaj tan-nazzjon tagħna u l-futur tal-ġenerazzjonijiet li jmiss.
Il-Ministru Bonnici spjega kif permezz ta’ Mużika Mużika naraw l-ilsien Malti fl-aqwa manifestazzjoni tiegħu, ħaj, dinamiku, fuq il-palk tal-arti, u l-kultura, b’dinjità u kburija. “L-arti mhijiex tal-ftit iżda hija identità, hija saħħa, hija futur u Mużika Mużika tgħaqqadna, tgħollina, u tfakkarna min aħna – Maltin, l-ewwel u qabel kollox. Il-melodija hija l-vuċi tal-identità tagħna,” temm jgħid il-Ministru Owen Bonnici.
Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra qal, “Bħalissa numru kbir ta’ ħaddiema u tekniċi qed jaħdmu biex għada nippreżentaw is-sitt edizzjoni ta’ Mużika Mużika. Irrid nirringrazzja lil dawk kollha involuti, speċjalment lit-tim ta’ Festivals Malta, lill-preżentaturi, il-kantanti, l-awturi, il-kompożituri u t-tekniċi kollha tax-xogħol tagħhom. Kollox lest għal għada biex nisimgħu l-kanzunetti għall-ewwel darba, u biex flimkien niċċelebraw il-kanzunetta Maltija permezz tal-festival Nazzjonali Mużika Mużika.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius qal, “Mużika Mużika qiegħed biss ġurnata ’l bogħod. Kollox huwa lest biex noffru lill-udjenza l-aqwa spettaklu ta’ mużika Maltija. Għall-ewwel darba din is-sena Mużika Mużika se jkun qed jixxandar fuq ħames stazzjonijiet lokali, bil-mira li nilħqu firxa akbar ta’ udjenzi, biex Mużika Mużika jkompli jistabbilixxi ruħu bħala l-festival Nazzjonali. Nawgura lill-artisti kollha l-aqwa suċċess u ħerqan biex nara l-prestazzjoni tagħhom live fuq il-palk spettakolari tagħna.”
Il-festival huwa maqsum fuq tlett ijiem, li fil-qofol tagħhom jiċċelebraw kompożizzjonijiet oriġinali bil-Malti. Fl-ewwel serata tal-festival fid-19 ta’ Marzu, se jinstemgħu s-16-il kanzunetta li qed jikkompetu fil-festival din is-sena għall-ewwel darba. Waqt din is-serata, l-vot se jkun miftuħ għall-udjenza fis-sala biss permezz tal-app uffiċjali ta’ Mużika Mużika, flimkien mal-vot tal-ġurija esperta.
Is-Serata tal-Klassiċi, se ssir nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Marzu. Waqt din is-serata, il-finalisti se jidwettaw ma’ diversi kantanti veterani b’interpretazzjoni ta’ diversi kanzunetti klassiċi Maltin, bil-kanzunetti nnifishom, jiġu żvelati waqt is-serata. Waqt is-serata finali, il-kantanti se jerġgħu jinterpretaw il-kanzunetta oriġinali tagħhom għall-aħħar darba biex titħabbar il-kanzunetta rebbieħa fl-aħħar tas-serata. Il-votazzjoni għall-finali, se tkun miftuħa kemm għall-udjenza tas-sala, kif ukoll dik televiżiva permezz tal-SMS voting, flimkien mal-vot tal-ġurija.
Waqt is-serata finali wkoll, Mużika Mużika se jilqa’ fuq il-palk lill-mistiedna speċjali, Tribali, għal prestazzjoni unika waqt il-festival.
Mużika Mużika huwa organizzat minn Festivals Malta bis-sapport tal-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali. Il-festival se jsir bejn id-19 u l-21 ta’ Marzu 2026, u se jixxandar fuq ħames stazzjonijiet lokali fid-9pm, li huma TVM, ONE, FLIVING, SMASH u XEJK TV. Il-festival se jixxandar ukoll fuq TVM+ bil-lingwa tas-sinjali Maltija.
Għal aktar informazzjoni dwar il-festival, wieħed għandu jżur www.muzikamuzika.mt

