Saturday, December 21, 2024

Kollox lest għall-14-il edizzjoni tal-Festival taċ-Ċikkulata fil-Ħamrun

Aqra wkoll

Kollox jinsab lest biex illum tittella’ l-14-il edizzjoni tal-Festival taċ-Ċikkulata fil-Ħamrun. Dan l-avveniment issa sar sinonimu mal-kalendarju kulturali Malti u li kiseb popolarità kbira matul is-snin fejn din is-sena mistenni jkompli jikber anke fit-toroq ta’ madwar Triq il-Kbira San Ġużepp. 

Dan is-sit tkellem mas-sindku tal-Ħamrun Christian Camilleri li tana aktar dettalji dwar din l-edizzjoni ta’ tmiem il-ġimgħa li ġej.

“Se jkun hemm numru ta’ talenti Maltin u fuq kollox sitt palkijiet differenti madwar it-toroq sbieħ tal-Ħamrun. B’hekk se nżidu aktar spazju fejn in-nies ikunu jistgħu jirrikrejaw ruħhom. Se jkun hemm ukoll diversi għaqdiet Ħamruniżi li se jesebixxu l-affarijiet tagħhom apparti l-knejjes u l-kappelli miftuħin fejn hemmhekk għandhom il-lat kulturali u reliġjuż ukoll. Hemm ukoll in-negozji u l-ħwienet li se jkunu miftuħa wkoll u għalhekk hemm il-lat kummerċjali wkoll ta’ din il-lejla li mistennija tkun ta’ min wieħed jiftakar.”

Wara li s-sena l-oħra kien hemm is-suċċess li ġabet magħha l-iskultura ta’ ‘Maximus’ ta’ Russell Crowe s-sena l-oħra, din id-darba qed titħejja skultura sorpiża oħra magħmula miċ-ċikkulatier Tiziano Cassar.

“Din is-sena ddeċidejna li nagħmlu plejer ferm famuż tal-futbol, leġġendarju ta’ kull żmien, jiġifieri u ovvjament ħa jkun relatat ma’ dan l-isport tant popolari madwar id-dinja. Minkejja kollox, mhux se niżvelaw min hu l-plejer għax qed inħallu dak l-element ta’ sorpriża biex ovvjament anke n-nies jattendu sabiex jaraw l-element tax-xogħol li nkunu ħdimna taċ-ċikkulata. Għalhekk inħeġġeġ lil dawk li huma dilettanti tal-futbol sabiex jiġu l-Ħamrun u jaraw ftit il-kapolavur li qed isir u jieħdu ritratt ma’ din l-opra tal-arti li nista’ nsejħilha hekk. Li nista’ ngħid li, bħala piż ta’ ċikkulata, din is-sena se tkun naqra aktar minn tas-sena l-oħra fejn qed nikkalkulaw li se jkollna madwar 160 kilogramm u dan hu verament numru sabiħ.”

Christian Camilleri qalilna li din l-edizzjoni apparti l-element nazzjonali, hu importanti li jiddaħħal ukoll dak internazzjonali fejn se jkun hemm ċikkulati minn pajjiżi differenti u tassew li min hu dilettant se jitpaxxa jduq u naturalment jixtri dawn l-ispeċjalitajiet.

Barra minn hekk peress li se jkun hemm numru ta’ karozzi li mistennija jaslu lejn il-Ħamrun, il-Kunsill Lokali ta’ din il-lokalita’ qed jaħseb sabiex juża’ t-tliet skejjel eżistenti iġifieri Maria Regina, Maria Assunta u l-Liċeo tal-Ħamrun sabiex kull min jiġi hemmhekk ikollu l-kumdita’ li jipparkja bil-kwiet u b’mod komdu. Dawn l-iskejjel se jkunu miftuħa minn tard waranofsinhar sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu. 

Finalment is-sindku tal-Ħamrun Christian Camilleri ħeġġeġ lill-pubbliku biex jappoġġja dan l-avveniment li qed jittella’ bl-għajnuna ta’ fondi mill-iskema tad-Diviżjoni Lokali għall-Kunsilli Lokali għal Attivitajiet Kulturali Annwali. 

Ekonomija

Sport