Fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport kmieni dalgħodu ġiet organizzata konferenza fejn ingħataw l-aħħar dettalji dwar l-14-il Edizzjoni tal-Kampjonati Ewropej tal-Blood Bowl fejn ‘l fuq minn 21pajjiż u 400 kompetitur ser ikunu qed jipparteċipaw f’Malta.
Dan wara li l-istess assoċjazzjoni rebħet id-dritt li torganizza dawn il-kampjonati. Il-President tal-Federazzjoni Jean Mark Meli li ilu f’din il-kariga dawn l-aħħar ħames snin tkellem dwar din il-logħba u l-fatt li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed issir popolari f’Malta wkoll. Dan l-isport jaqa taħt il-kappa ta’ Table Top Sport bħala Board game u qed tattira żewġ ħafna nies.
Għall-atleti Maltin din ser tkun it-tielet darba li ser jipparteċipaw bl-ewwel żewġ edizzjonijiet għalihom kienu ta’ suċċess u huwa għalhekk li setgħu jirbħu d-dritt li jorganizzaw dawn il-kampjonati f’Malta. Il-Ministru għall-Edukazzjoni u Sport Dr. Clifton Grima saħaq l-importanza ta’ dawn it-tipi ta’ kompetizzjonijiet f’Malta mhux biss għall-isport inġenerali imma wkoll għat-turiżmu sportiv.
Dr Grima rringrazzja wkoll lil kap tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport Robert Magro tal-impenn u l-ħidma tiegħu fl-iskola sabiex kif diġà qiegħed isir il-premises ta’ l-ogħla livell jiġu wżati kif qed isir minn assoċjazzjonijiet differenti wara l-ħin tal-iskola sabiex inkomplu nżidu n-numru ta’ nies li jkunu attivi f’logħbiet jew dixxiplini differenti. Dawn il-Kampjonati ser isiru bejn il-5 u s-6 ta’ Novembru fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport f’Pembroke.