Kollox jinsab lest biex bejn il-Ħamis u nhar il-Ġimgħa li ġej tittella’ edizzjoni oħra tal-Għaxaq Music Festival. Dan il-fsetival huwa avveniment importanti ta’ kull sena li jagħti spazju lill-artisti Maltin biex juru t-talent tagħhom fuq palk prestiġjuż, fejn jistgħu jaqsmu l-esperjenza ma’ ismijiet internazzjonali bħal mhuma Zucchero u l-Gipsy Kings li se jkunu l-mistiedna internazzjonali ewlenin għall-fesrival ta’ din is-sena – u fl-istess waqt jagħmlu l-pubbliku kburi bis-sena ta’ identitá mużikali lokali.
Zucchero huwa meqjus bħala l-“missier tal-blues Taljan”, billi introduċa l-blues fuq il-palk il-kbir fl-Italja. Huwa wieħed mill-ftit artisti Ewropej tal-blues li għadu jgawdi suċċess internazzjonali kbir.
Intant, Gipsy Kings huma grupp mużikali mwaqqaf fl-1979 f’Arles, Franza. Il-grupp, li l-membri tiegħu għandhom wirt Katalan, idoqq taħlita ta’ rumba Katalana, flamenco, salsa, u pop. Huma jdoqqu l-aktar bl-Ispanjol iżda jħalltu wkoll il-Katalan, il-Franċiż, u lingwi tan-nofsinhar ta’ Franza, bħall-Occitan. Fost l-aqwa suċċessi tagħhom hemm Volare, Bamboleo u Djobi Djoba. Ta’ nota huwa l-fatt li huma rebħu Grammy Awards u żgur li se jkunu qed jallegraw lill-folla preżenti u jispiċċaw b’kulħadd jiżfen magħhom.
Intant, qabel Gipsy Kings nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Lulju, se jkunu qed jiftħu s-serata l-band Kurt Calleja & Friends. Din id-darba, Kurt mhux se jkun waħdu iżda se jkun fuq il-palk flimkien ma’ xi wħud mill-aqwa artisti Maltin għal wirja li tassew se ttella’ l-livell. Appoġġjat mill-band tiegħu live, Kurt, se jingħaqad ma’ Brooke Borg, Chiara, Owen Leuellen, u Kersten Graham f’kunċert sħiħ ta’ enerġija, vibes tajbin, u mumenti li żgur ma jintesewx.
Mistennija wirjiet li jħalltu covers popolari, throwbacks mis-snin 2000, u kanzunetti favoriti bħalma huma ‘This is the Night’, ‘Bla Tarf’, X’Għamilt b’idejja u ‘Aziza’.
Il-biljetti mexjin ġielhom imma wieħed jista’ jixtri l-biljetti online minn fuq www.showshappening.com bi prezzijiet jibdew minn €10. Parti mid-dħul se tmur għand Embrace Diversity, organizzazzjoni li tappoħħja tfal u żgħażagħ b’diżabilitá.
Wieħed jista’ jixtri l-biljetti wkoll mingħand: St Mary’s Band Club, Għaxaq, Embrace Diversity, Baħar iċ-Ċagħaq u Coopers Chicken, Zejtun.
Intant, l-organizzaturi ta’ Għaxaq Music Festival ħabbru wkoll li proprju qabel il-kunċerti tal-Ħamis u l-Ġimgħa 17 u t-18 ta’ Lulju minn Zucchero u The Gipsy Kings rispettivament, se jiġu organizzati Bike Rides mil-Lukanda Intercontinental f’San Ġiljan għall-Għaxaq Grounds li jibdew fit-8pm, bil-pubbliku huwa mħeġġeġ li jikkonkorri bis-sħiħ.