Birkirkara u Swieqi United huma ż-żewġ timijiet li se jaffrontaw lil xulxin għall-ewwel unuri maġġuri tal-istaġun meta se jilagħbu fil-finali tas-Super Cup tan-Nisa Assikura nhar l-Erbgħa.
Dan it-trofew tant mistenni jirritorna fl-aġenda tal-istaġun domestiku wara assenza ta’ sentejn konsekuttivi minħabba l-pandemija tal-Covid-19 li kienet ħarbtet l-iskeda tal-kompetizzjonijiet lokali.
L-Istripes, rebbieħa tal-ewwel edizzjoni li qatt kien hemm lura fl-2005, se jkunu qed jikkompetu għas-sitt suċċess li jpoġġihom wieħed biss ‘il bogħod mir-rekord ta’ rebħiet ta’ kull żmien li għandhom Hibernians.
Il-Pawlisti huma l-aktar tim ta’ suċċess fis-Super Cup b’seba’ trijonfi, l-aħħar tagħhom kien fl-2018.
Birkirkara, immexxija mill-kowċ Jose Borg, tennew is-suċċess tal-2005 fl-2008, 2010, 2017 u 2019 ukoll.
L-aħħar titlu tagħhom wasal fl-Istadium Nazzjonali meta għalbu lil Mġarr United bl-iskor kbir ta’ 5-0.
Iċ-champions renjanti u l-leaders attwali tal-Assikura Women’s League, Birkirkara jibdew favoriti biex jiksbu titlu ieħor lokali.
Huma se jkunu qed jiffaċċjaw lis-Swieqi bħala rebbieħa tal-kampjonat domestiku tal-istaġun li għadda meta kisbu b’50 punt fi 18-il logħba taħt il-gwida tal-ex coach, Melania Bajada.
Hija wasslet lill-Istripes għal 16-il rebħa u żewġ draws, u għal suċċess fil-kompetizzjoni tan-Knock-Out ukoll li jfisser li Swieqi qed jikkontestaw din is-Super Cup bħala t-team tat-tieni post fil-kampjonat 2021/2022.
L-istaġun li għadda, Birkirkara għelbu lil Swieqi f’żewġ okkażjonijiet – 3-1 u 1-0, filwaqt li ġew draw ta’ 2-2 fil-finali tal-istaġun tagħhom li għenhom jestendu l-mixja tagħhom tal-kampjonat bla telfa, li għadha għaddejja s’issa – jiġifieri 76 partita.
Is-serje ta’ 76 logħba tagħhom tinkludi wkoll iż-żewġ partiti kontra Swieqi matul dan l-istaġun. Huma kisbu d-draw ta’ 1-1 fl-ewwel logħba tal-kampjonat tagħhom, qabel ma Sara Saliba tat lil Birkirkara rebħa minima ta’ 1-0 fl-aktar konfront dirett riċenti tagħhom.
Swieqi, min-naħa tagħhom, qed jistinkaw biex jiksbu l-ewwel titlu maġġuri fil-logħba tan-nisa lokali.
L-uniku unur tagħhom s’issa huwa t-titlu tat-Tieni Diviżjoni fl-istaġun 2016/2017 li dak iż-żmien, kien punt ta’ svolta għalihom peressli dan ippermettilhom jiksbu l-promozzjoni fl-ogħla livell.
Minn dakinhar ’il quddiem, qatt ma ħarsu lura peress li dejjem stinkaw għat-titjib u f’kampanji riċenti stabbilixxew ruħhom bħala wieħed mill-aktar clubs kompetittivi fix-xena domestika.
Wara li spiċċaw runners-up kemm fil-kampjonat kif ukoll fit-tazza l-istaġun li għadda, Swieqi investew fl-iskwadra tagħhom biex jgħaqqdu skwadra kompetittiva li tista’ tisfida lil Birkirkara għat-titlu.
Waħda mill-bidliet ewlenin tagħhom kienet li l-istaff tekniku tagħhom fdat il-proġett tagħhom lill-coach Olandiża, Judith Kuipers.
S’issa, hija mexxiet lil Swieqi għal 14-il punt f’seba’ logħbiet inklużi erba’ rebħiet u żewġ draws. L-unika telfa tagħhom kienet kontra Birkirkara FC.
BILJETTI
Il-prezzijiet tal-biljetti huma kif ġej:
€5 (adulti)
€3 (konċessjonijiet, U-12’s u over 60)
Il-biljetti jistgħu jew jinxtraw onlajn HERE jew qabel il-partita mill-kabini tal-biljetti magħżula fil-ground.
Live streaming
Filwaqt li xejn ma jegħleb l-atmosfera tal-grawnd, il-logħba tista’ tiġi segwita live fuq MALTA FA MATCH CENTER.