Friday, April 25, 2025

Kollox lest għall-finali tal-BOV Cup bejn Valletta u Pietá H.

Aqra wkoll

Nhar il-Ġimgħa 25 ta’ April 2025, il-Malta FA organizzat konferenza stampa fis-Centenary Hall qabel il-finali tal-BOV Challenge Cup.

Il-finali se tintlagħab bejn Pietà Hotspurs FC u Valletta FC, nhar il-Ħadd 27 ta’ April, fis-Centenary Stadium, f’Ta’ Qali, fl-4.00 pm. Il-logħba se tixxandar b’mod dirett fuq il-pjattaform ta’ Youtube tal-Malta FA.

ŻIEDA FL-ATTENDENZA GĦALL-BOV CHALLENGE LEAGUE

Qabel dan, is-Segretarju Ġenerali tal-Malta FA, Dr Maria Azzopardi, u l-president tal-Kumitat Permanenti tal-Challenge League, Dino Bonnici, ippreżentaw numru ta’ dettalji u ċifri ewlenin dwar il-BOV Challenge League.

Dr Azzopardi enfasizzat interess akbar fil-BOV Challenge League din is-sena, fejn innotat żieda ta’ 38% fl-attendenza, minkejja li ntlagħbu inqas logħob.

Filwaqt li nnotat ukoll li l-parteċipazzjoni ta’ Valletta kienet fattur li kkontribwixxa għat-37,897 spettatur totali tal-BOV Challenge League dan l-istaġun, kien hemm attendenza medja ta’ 215 spettatur għal kull partita.

“Wieħed jinnota li kien hemm żieda ġenerali fl-attendenza, u mhux relatata ma’ team wieħed biss.”

“Huwa importanti wkoll li jiġi enfasizzat li l-BOV Challenge Cup ikkontribwiet għal inqas logħob matul l-istaġun tal-kampjonat,” kompliet Dr Azzopardi.

Min-naħa tiegħu, is-Sur Bonnici feraħ lit-timijiet promossi għall-ogħla diviżjoni mill-BOV Challenge League, Valletta u Tarxien Rainbows FC, filwaqt li laqa’ wkoll lit-timijiet li għadhom kif ġew promossi ,Birzebbugia St Peter’s Montekristo FC u Vittoriosa Stars D’Orsini FC.

“Kien hemm żieda fil-kwalità u l-kompetittività matul l-istaġun, u kien hemm ħafna players Maltin u barranin li ħadu sehem. Dan l-istaġun għal darb’oħra ra attendenzi kbar ħafna.”

Għall-BOV Challenge Cup, il-Malta FA għandha trofew ġdid, manifatturata mill-kumpanija Ingliża, Thomas Lyte, li diġà pproduċiet numru ta’ trofej oħra għall-Assoċjazzjoni.

Il-coach ta’ Valletta, Thane Micallef, flimkien mal-captain Brandon Paiber u l-coach ta’ Pietá Hotspurs, Manuel Caruana, u l-captain Zean Leonardi, kienu preżenti biex jagħtu l-previżjonijiet tagħhom tal-finali tant mistennija tal-BOV Challenge Cup.

Il-coach Micallef enfasizza li l-objettiv tal-promozzjoni ntlaħaq, iżda t-team irid ikompli bil-momentum tiegħu, u jfittex li jirbaħ wkoll it-titlu tal-BOV Challenge Cup.

Valletta kkwalifikaw għall-finali wara rebħa drammatika fl-aħħar minuta kontra Zurrieq FC, nhar il-Ħamis.

Il-coach Micallef saħaq li wara li tirbaħ il-kampjonat, dejjem hemm ir-riskju li wieħed inaqqas ir-ritmu tiegħu iżda s’issa Valletta avviċinaw kull logħba b’attitudni tajjeb.

“Se nagħmlu dak kollu possibbli biex ma jkun hemm l-ebda forma ta’ inkonsistenza u nibqgħu għatxana biex nilagħbu fl-ogħla livell possibbli,” huwa qal.

Paiber kompla fuq dak li qal il-coach Micallef u tkellem ukoll  fuq livell personali: “B’mod ġenerali nemmen li kelli staġun pożittiv, u l-fatt li rnexxieli niġi msejjaħ fl-iskwadra tat-team nazzjonali, nissel fija mill-ġdid sens ta’ kburija.  Wara din il-finali, se nfittex li nkompli nibni fuq dan fl-istaġun.”

Il-coach Caruana, irrimarka li filwaqt li l-mira  tal-promozzjoni ma ntlaħqitx, il-BOV Challenge Cup tippreżenta opportunità biex jaħsdu l-frott tax-xogħol li sar matul l-istaġun.

Pietà waslu sal-finali wara logħba missielta kontra Tarxien nhar il-Ħamis, u ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1.

Il-coach Caruana enfasizza li Pietà bnew team żagħżugħ li huwa primarjament mill- formazzjoni tal-club. “L-għaqda li hemm fit-team hija unika peress li l-players fl-iskwadra kibru flimkien.

“Filwaqt li se nilagħbu kontra l-aqwa team tal-BOV Challenge League ta’ din is-sena, meta nilgħab kontra timijiet bħal dawn, nara dan bħala mezz ta’ kif inkejjel ix-xogħol li għamilt mat-team bħala coach,” team jgħid Caruana.

Leonardi tenna li t-team qed iħares ‘il quddiem biex jilgħab fil-finali. “Bħala team, inħossuna motivati ħafna għax għandna ċ-ċans li niġu ppremjati għall-istaġun li kellna,” temm jgħid.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport