Sunday, November 24, 2024

Kollox lest għall-Isle of MTV Malta 2022

Aqra wkoll

Hekk kif għada se ssir l-14-il edizzjoni tal-Isle of MTV Malta, saret konferenza stampa lill-mezzi tax-xandir lokali li ġew infurmati bl-aħħar preparamenti għal dan l-avveniment ferm mistenni mhux biss mill-pubbliku lokali iżda wkoll mit-turisti li ġejjin apposta sabiex jaraw dan l-avveniment. 

Il-kunċert t’għada se jkun kompost minn ħames artisti prinċipali u dawn huma Baby No Money, Mae Mullere u Shaun Farrugia – artist u kompozitur Malti, li se jingħaqdu ma’ DJ Marshmello u French Montana.

Tkellem iċ-chairman tal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef li qal wara nuqqas ta’ tliet snin minħabba r-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija tal-COVID-19, dan il-kunċert tant mistenni se jerġa’ jirritorna bil-kbir bil-pubbliku inġenerali li jistennih minn sena għal oħra. 

“Se jkollna line-up ferm interessanti li jappella ħafna għaż-żgħażagħ tal-lum filwaqt li mistennija eluf minnhom li ġejjin jiddevertu u jieħdu pjaċir.”

“Minn hawn nixtieq nirringrazzja lill-istazzjon MTV u anke lil Paramount Media li grazzi għal ftehim li għandna magħhom, dawn it-tip ta’ avvenimenti jkunu jistgħu jseħħu. “

Micallef qal li l-Isle of MTV hu wieħed minn dawk l-avvenimenti li jarawh miljuni ta’ nies minn madwar id-dinja permezz tat-televiżjoni u jservi ħafna bħala riklam għall-gżejjer Maltin. Dan jista’ jqanqal lil dawn it-telespettaturi sabiex jiġu f’pajjiżna u jesperjenzaw is-sbuħija li fiha. Fil-fatt l-Isle of MTV se jixxandar fuq l-istazzjon internazzjonali tal-MTV f’iktar minn 170 pajjiż.

“Dan il-festival flimkien ma’ oħrajn li saru u li ser isiru se jgħinu sabiex l-irkupru turistiku jibqa’ għaddej speċjalment wara dawn is-sentejn fejn tlifna ħafna mill-element turistiku f’Malta.”

Tkellimna wkoll mal-ministru għat-turiżmu Clayton Bartolo fejn irrikonoxxa li avveniment bħal dan jgħin ħafna bħala riklam lil pajjiżna. Huwa żar il-Fosos tal-Furjana fejn se jsir l-avveniment u fejn bħalissa għaddejjin preparamenti intensivi b’palk li hu verament sabiħ u attraenti.

“Avvenimenti bħal dawn huma ta’ stimolu għal pajjiżna speċjalment fin-niċċa turistika li nafu kemm hi importanti għall-ekonomija Maltija. It-turisti se jiġu hawn sabiex jaraw il-kunċert iżda wkoll sabiex igawdu s-sbuħija tal-gżejjer Maltin, ix-xemx, il-bajjiet u l-postijiet ta’ divertiment li aħna miżgħuda bihom.”

L-Onorevoli Bartolo qal li kunċert bħal dan li jkun trasmess internazzjonalment jgħin lill-prodott turistiku Malti li jkompli jitkattar fejn it-turisti jaraw lil Malta bħala gżira fejn potenzjalment tista’ tieħu pjaċir. Hu ċert li se jkun avveniment importanti ta’ suċċess.

Tkellem ukoll Russell Samuel, f’isem l-istazzjon MTV fejn irrikonoxxa li Malta tista’ toffri attrazzjoni kbira għal dawn it-tip ta’ kunċerti u kkonferma l-line-up għal għada filgħaxija li jinkludi lil Baby No Money, Mae Mullere u Shaun Farrugia, DJ Marshmello u French Montana. 

Aktar qabel se jkun hemm ukoll il-parteċipazzjoni ta’ artisti u kantanti lokali fosthom Aidan, Enya, Gaia Cauchi u Maxine Pace, b’DJ sets minn Debrii, D-Rey, Koroma, Miggy, Supre, Zrinz, Daniel, Ylenia & Jamie minn 89.7 Bay u Nate, JD Patrick & Frank u Vibe FM. 

“Kelli ċ-ċans nitkellem mad-DJs u l-artisti li se jieħdu sehem u jinsabu fuq ix-xwiek sabiex jagħtu l-wirja tagħhom fuq dan il-palk grandjuż f’Malta. Hu qal li barra t-televiżjoni, dan il-kunċert se jkun streamed ukoll fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ MTV kif ukoll diversi kanali fuq YouTube u Instagram. 

“Il-midja soċjali u l-pjattaformi diġitali huma importanti sabiex inwasslu l-messaġġ tagħna u għalhekk il-live streaming sar importanti f’dan ir-rigward.”

Samuel qal li l-bibien għal dan l-avveniment se jiftħu fil-5pm sabiex sagħtejn wara jibdew l-ewwel wirjiet u gigs bil-qofol jintlaħaq meta DJ Marshmello, French Montana, Baby No Money, Mae Mullere u Shaun Farrugia se jkunu qegħdin fuq il-palk sabiex idoqqu u jkantaw id-diski sinonimi magħhom.

L-Isle of MTV huwa l-ikbar festival Ewropew b’xejn fis-sajf u jsir b’kollaborazzjoni mal-Awtorità tat-Turizmu Maltija, l-MTA.

Sport