Saturday, October 26, 2024

Kollox lest għar-ritorn tal-football fl-Ukrajna

Aqra wkoll

“Qalbi tweġġa’ meta naħseb f’Kharkiv,” qal il-goalkeeper Denys Sydorenko. “Missila laqtet l-art tat-taħriġ tagħna – ma fadal xejn minn fejn konna nilagħbu.”

Fit-22 ta’ Frar, it-team ta’ Sydorenko, Metalist 1925 Kharkiv, kien qed jieħu sehem f’sessjoni ta’ taħriġ regolari waqt il-waqfa tax-xitwa tal-Kampjonat Premier Ukren. Jumejn wara, kollox waqaf. Ir-Russja kienet invadiet lill-Ukrajna.

Issa, sitt xhur wara l-gwerra, l-Ukrajna qed tipprepara biex terġa’ tibda l-kompetizzjonijiet domestiċi tal-football – minkejja l-periklu kostanti li jġib miegħu l-kunflitt li għaddej.

Id-deċiżjoni li tikkanċella l-bqija tal-istaġun tal-football għall-istaġun 2021-22 finalment ittieħdet f’April. Shakhtar Donetsk kienu fuq quddiem b’żewġ punti bi ftit aktar minn nofs il-partiti milgħuba.

F’Lulju ttieħdet id-deċiżjoni li l-istaġun il-ġdid kienet se jkompli mit-23 ta’ Awwissu – Jum il-Bandiera Nazzjonali tal-Ukrajna – wara ordni mill-president Volodymyr Zelensky.

“Il-bidu mill-ġdid tal-football huwa pass kbir għall-pajjiż,” qal Andriy Pavelko, kap tal-Assoċjazzjoni tal-Football Ukrena.

“Huwa sinjal għad-dinja li l-Ukrajna tista’ u se tirbaħ. Huwa wkoll sinjal għas-soċjetà li aħna kunfidenti.”

Mill-invażjoni tar-Russja, ħafna timijiet irrilokaw fi bliet bħal Lviv fil-punent tal-pajjiż – meqjusa aktar sikuri minn reġjuni oħra li ġew immirati b’mod aktar qawwi. Dynamo Kyiv huma fost dawk li qed jippjanaw li jilagħbu fil-kapitali jew madwarha.

It-tim ta’ Sydorenko ilu jitħarreġ f’Uzhhorod, fuq il-fruntiera mas-Slovakkja, madwar 1,300km mill-belt li jsejħu darhom. Partijiet minn Kharkiv ġew kompletament meqruda mill-gwerra, bir-residenti jxebbħuha ma’ Chernobyl.

“Meta l-players reġgħu ltaqgħu tkellimna dwar kollox – fejn kien kulħadd meta bdiet il-gwerra, x’kienu jagħmlu,” qal Sydorenko ta’ 33 sena, li fi Frar ħarab lejn il-Punent tal-Ukrajna mat-tfajla tiegħu. Huma żżewġu ftit wara.

“Issa, qed naħdmu ħafna fit-taħriġ. Irridu nagħmlu l-partitarji tagħna kuntenti u nirbħu kull partita.”

Il-president tal-FA Ukrena Pavelko qal li għaddejjin diskussjonijiet mal-Ministeru tad-Difiża dwar kif l-aħjar isiru l-logħbiet dan l-istaġun. Għalissa huwa mistenni li l-ispettaturi mhux se jkunu jistgħu jattendu. L-istadiums approvati se jkunu mgħammra b’sireni ta’ l-ajru u xelters għall-bombi.

“Huwa tajjeb li l-kampjonati kollha se jintlagħbu. Dan se jgħolli l-ispirti ta’ kulħadd,” huwa qal.

Anna Myronchuk, li tilgħab mat-team tan-nisa ta’ Dynamo Kyiv, qalet li t-team tagħha jinsab ferħana bil-prospett tar-ritorn tal-football. Hija tgħid li dan jgħin biex inessi lin-nies mill-gwerra – anke jekk biss għal ftit żmien.

“Għal kull player huwa ta’ ferħ kbir li terġa’ tidħol fil-ground, li tilgħab, li tiskurja, li tirbaħ,” hija qalet.

“Imma mbagħad nerġgħu lura għall-mowbajls tagħna, inħarsu lejn l-aħbarijiet u naraw x’ikun ġara.”

Sport