Thursday, January 30, 2025

Kolumbjan akkużat b’rabta mas-sejba tal-katavru f’bagalja jiġi akkużat b’omiċidju

Aqra wkoll

Hekk kif Andres Leonardo Gamboa Duran, ta’ 43 sena mill-Kolombja reġa’ deher quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima biex titkompla l-kumpilazzjoni fejn kien akkużat li qatta’, u poġġa l-katavru ta’ Raoul Eduardo Rei fejn aktar tard tefgħu fil-baħar, issa qed jiġi akkużat bi qtil volontarju.

Fil-bidu tas-seduta, il-Prosekuzzjoni talbet lill-Qorti biex mal-akkużi li diġa qed jiffaċja, tiżdied dik tal-omiċidju volontarju. Il-Maġistrat Grima aċċettat it-talba tal-Prosekuzzjoni u allura issa l-Kolombjan se jkun qiegħed jgħaddi ġuri fuq qtil volontarju wkoll.

Duran filwaqt li fil-Qorti qal li mhux ħati tal-akkużi, qal lill-investigaturi li kien hu li qatta’ biċċiet lil Rei wara li sabu mejjet f’appartament fl-Imsida.

Waqt is-Seduta, il-Prosekuzzjoni qalet li kienet diġa qalet fil-Qorti kif instabet il-bagalja fejn żewġt itfal li kienu fuq paddle boat raw l-imsemmija bagalja u ġibduha lejn ix-xatt fejn minn hemm ħadu kollox f’idejhom il-pulizija.

Fil-Qorti ġie ppreżentat ukoll studju li sar fiż-żewġ appartamenti fl-Imsida li huma relevanti fil-każ.

Il-Maġistrat Grima qalet li hemm biżżejjed provi biex l-akkużat jitqiegħed taħt att ta’ akkuża u għalhekk jistenna li jgħaddi ġuri. Duran ġie arrestat wara jumejn sħaħ li l-pulizija kienu qegħdin ifittxuh.

Meta Duran tressaq il-Qorti hu ma ġiex akkużat b’omiċidju minħabba li l-investigaturi kienu għadhom mhux ċerti kif Rei miet. Riżultati tal-awtopsja werw li hemm possibilita li hu miet fgat, iżda ma kinitx deċiżjoni finali.
S’issa ma ngħatawx dettalji dwar kif il-pulizija waslet biex takkuża lill-Kolombjan b’omiċidju. Dan se jkun magħruf fit-13 ta’ Marzu li ġej hekk kif l-Ispettur Kurt Colombo Zahra se jkun qiegħed jagħti x-xhieda tiegħu.

Il-prosekuzzjoni qiegħda titmexxa minn Wayne Camilleri, Kurt Zahra, Dejan Darmanin u Kaylie Bonnett filwaqt li Yanica Barbara Sant qiegħda tmexxi d-difiża.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport