Monday, May 13, 2024

“Kommessa li nkompli nindirizza l-isfidi tas-saħħa mentali u l-vjolenza domestika”

L-iżvilupp soċjali u ekonomiku l-bażi għas-sostenibbiltà – il-GWU f'laqgħa mal-kandidata għall-Parlament Ewropew Claudette Abela Baldacchino

Aqra wkoll

Fi żjara li għamlet il-kandidata għall-Parlament Ewropew Claudette Abela Baldacchino fil-General Workers’ Union, ġew diskussi diversi temi prinċipali f’pajjiżna bħalissa fosthom l-għoli tal-ħajja, il-ħaddiema barranin f’pajjiżna, in-nuqqas ta’ twelid ta’ trabi u l-viżjoni għal pajjiżna.

Fil-bidu tal-laqgħa Claudette Abela Baldacchino semmiet każi speċifiċi li qed tiltaqa’ magħhom matul il-kampanja tagħha.

“Jekk insemmu l-viżjonijiet ta’ din it-trejd unjin naqblu perfettament bejnietna li l-iżvilupp ekonomiku għandu jimxi id f’id mal-iżvilupp soċjali. Huwa meħtieġ li l-pajjiż jipprovdi l-appoġġ u l-għajnuna meħtieġa lill-poplu. L-gholi tal-hajja qed ikun ta’ piż u għalhekk il-pajjiż irid jikkontribwixxi għall-benesseri u għal soċjetà aktar ġusta li tappoġġja lil dawk l-aktar vulnerabbli. Għalhekk naqbel mal-miżuri li l-Prim Ministru Robert Abela u l-Gvern Laburista wettaq, bħall-iskema għal stabbiltà fil-prezzijiet tal-ikel, u l-prezzijiet tal-enerġija,” qalet Abela Baldacchino.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li l-GWU ilha tisħaq fuq viżjoni strateġika nazzjonali għal pajjiżna hekk kif it-tkabbir bla preċedent tal-ekonomija tagħna fl-aħħar għaxar snin wassal għal numru ta’ benefiċċji, iżda wkoll sfidi u problemi.

“F’pajjiżna hawn bżonn viżjoni strateġika, koordinament sħiħ biex naraw li kulħadd huwa ffokat u jaf fejn irid imur,” qal Bugeja.

Fil-każ tal-ħaddiema barranin f’pajjiżna Claudette Abela Baldacchino qalet li tifhem li pajjiżna għandu bżonn il-ħaddiema barranin. Li ma nistgħux ngħaddu mingħajrhom hekk kif l-ekonomija qiegħda tikber u għalhekk hemm ħtieġa ta’ aktar ħaddiema. Filwaqt li globalment, inkluż Malta, l-ammont ta’ twelid tat-trabi qed jonqos u għalhekk mhux qed tintlaħaq id-domanda għall-ħaddiema.

“Hemm ħtieġa kbira li jiżdiedu l-ħiliet, il-kompetenzi u l-abbiltajiet tal-ħaddiema biex jimtlew il-vakanzi li qed toħloq l-ekonomija Maltija,” saħaq Bugeja.

Il-President tal-GWU Victor Carachi semma’ waħda mill-proposti tal-GWU li tinsab ukoll fil-Manifest Elettorali, dik meta jisbħu t-tfal ma jifilħux li tista’ tkun ta’ inċentiv fost oħrajn. Il-proposta tgħid li f’każi bħal dawn wieħed mill-ġenituri jirrapporta leave b’emerġenza li wara li jipprovdi ċertifikat mediku tat-tifel/tifla li jkunu ma jifilħux, tinqata’ mis-sick leave tal-ġenitur.

Il-kandidata għall-PE qalet li dawn huma inizjattivi u proposti tajba li jistgħu jkomplu jiffaċilitaw il-bilanċ bejn li ġenitur jaħdem u jieħu ħsieb lit-tfal tiegħu, u rringrazzjat lill-GWU tax-xogħol li qed twettaq f’dan ir-rigward.

Qalet li tara li hemm diversi raġunijiet għan-nuqqas ta’ twelid tat-trabi. Tara li forsi mod kif il-gvern jista’ jkompli jgħin huwa billi joffri aktar inċentivi lill-ġenituri biex ikomplu jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-ostakli.

Semmiet ukoll sitwazzjonijiet li ltaqgħet magħhom dan l-aħħar ta’ nisa li jinsabu għaddejin minn vjolenza domestika u sitwazzjonijiet ta’ problemi ta’ saħħa mentali. Flimkien qablu li hemm bżonn isiru aktar taħdidiet u aktar ħidma fl-iżvilupp soċjali fostna.

Sport