Waqt konkors ta’ kompożizzjonijiet bandistiċi li sar ġewwa Sqallija fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, kompożizzjoni tal-Inġinier Anthony Camilleri, spiċċat rebbieħa f’kategorija B ta’ dan il-konkors.
F’din it-tielet edizzjoni tal-konkors organizzat mill-Federazzione Bande Siciliane, bl-isem ta’ “Concorso di composizione per marcia Sinfonica e da Parata” jikkonsisti f’kompożizzjonijiet ta’ hekk magħrufa magħna l-Maltin bħala marċi brijużi. Dan ra x-xogħlijiet ta’ diversi kompożituri Sqallin, iżda fostom kien hemm il-kompożizzjoni tal-Inġ Anthony Camilleri. Din il-kompożizzjoni bl-isem ta’ “LOUISE” hija dedikata proprju għall-mara tiegħu.
Dan il-marċ brijuż, li spiċċa finalist f’Kategorija B tal-istess konkors, kategorija ta’ “marcia da parata” ġie esegwit mill-Orchetra di Fiati ETNEA u intlaqa’ tajjeb ferm mal-ġurija, tant li spiċċa rebbieħ fost il-kompożizzjonijiet sottomessi fil-kategorija tiegħu.
“Grazzi speċjali lill-ġurija ferm rispettata, lill-finalisti kollha, lill-mużiċisti u lill-“Federazione Bande Siciliane” għal din l-opprtunità” tenna Camilleri b’messaġġ fuq il-profil tiegħu.
Segwi il-Filmat t’hawn taħt sabiex tisma’ din il-kompożizzjoni rebbieħa.