Il-Bank of Valletta jkompli jagħti prijorità lill-livell ta’ servizz li jingħataw il-klijenti mil-fergħat tiegħu, bil-Maniġers u Team Leads tal-fergħat jiddiskutu kif tista’ titjieb il-kwalità tas-servizz, l-aċċessibbiltà, u l-għajnuna finanzjarja. Il-konferenzi tal-BOV għall-maniġers li jaħdmu fin-netwerk tal-Bank jiżguraw li t-timijiet li jaħdmu fil-fergħat jibqgħu allinjati mal-għan strateġiku tal-Bank li jwassal esperjenza bankarja superjuri, u li jkun aktar faċli għall-klijenti biex jieħdu ħsieb il-finanzi tagħhom b’kunfidenza u konvenjenza.
Waqt l-aħħar konferenza li saret, Simon Azzopardi, Chief Personal and Wealth Officer tal-Bank, saħaq mill-ġdid l-impenn tal-Bank li jappoġġja persuni u familji biex jilħqu l-għanijiet finanzjarji tagħhom, mhux biss permezz ta’ prodotti u servizzi, iżda wkoll permezz tal-għajnuna offruta mill-impjegati. Huwa enfasizza wkoll l-investiment li qed jagħmel il-Bank fil-Wealth Management, waqt li jiżgura li l-klijenti jkollhom aċċess għal gwida professjonali biex jiżguraw il-futur finanzjarju tagħhom. Bħala eżempju, is-Sur Azzopardi għamel referenza għall-introduzzjoni tas-Savings & Investment Bankers f’Għawdex, inizjattiva li tagħmel parti minn dan l-isforz kontinwu biex il-Bank itejjeb l-esperjenza tal-klijenti madwar Malta u Għawdex.
Il-kap responsabbli għal-fergħat tal-Bank, Geoffrey Ghigo tkellem dwar l-importanza li wieħed jisma’ dak li qed jgħidu l-klijenti, sabiex ikun jista’ jiżgura li kull skambju, kemm jekk fil-fergħa, b’mezz diġitali, jew permezz tal-Customer Service Centre, jissodisfa l-ogħla standards. Huwa enfasizza t-titjib fl-operat tal-fergħat tal-Bank, l-aċċessibilità u l-affidabbiltà tal-ATMs, kif ukoll ħinijiet ta’ stennija mnaqqsa, li qed iwasslu għal dan it-titjib.
Ħinijiet ta’ ftuħ godda, introdotti bi prova f’numru ta’ fergħat, għandhom l’għan li jakkomodaw il-preferenzi tal-klijenti, u wara prova b’suċċess bejn Novembru u Diċembru li għadda f’Għawdex u r-reġjun tal-Lvant Ċentrali ta’ Malta, dan l-aħħar il-Bank ħareġ ħinijiet tal-ftuħ aktar flessibbli fir-reġjun tan-Nofsinhar ta’ Malta, fosthom il-Fgura, Marsaskala, Raħal Ġdid, iż-Żejtun, Ħaż-Żabbar, Marsaxlokk, Bormla u Birżebbuġa. Il-Bank qed ukoll joffri servizz ta’ prijorità għall-anzjani nhar ta’ Ġimgħa u s-Sibt mill-fergħat ewlenin u nhar ta’ Ġimgħa mill-fergħat sekondarji. Is-servizz tal-kaxxier jibqa’ miftuħ kuljum kemm mill-fergħat prinċipali kif ukoll minn dawk sekondarji sal-11:00 ta’ filgħodu. Għal aktar informazzjoni dwar il-ħinijiet tal-ftuħ tal-Bank, il-klijenti jistgħu jżuru s-sit tal-BOV www.bov.com.